
Ritratt: MISSIO Malta
Ta’ kull sena matul ix-xhur tas-sajf, għadd ta’ missjunarji Maltin jiġu Malta għal żmien qasir ta’ mistrieħ mistħoqq u biex jaraw il-familji tagħhom.
Għal din l-okkażjoni, il-Kummissjoni Migranti flimkien ma’ MISSIO Malta qed jorganizzaw laqgħa mal-Arċisqof Charles Scicluna. Din se ssir il-Ġimgħa, 25 ta’ Lulju 2025 fis-6pm, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.
L-għan tal-laqgħa hu li f’ambjent fratern, il-missjunarji Maltin jiltaqgħu mal-Arċisqof Scicluna u ma’ xulxin u fl-istess waqt jaqsmu l-esperjenzi missjunarji tagħhom flimkien.
Fid-dawl tas-Sena tal-Ġublew tal-Pellegrini tat-Tama, it-tema magħżula tal-laqgħa hi “Il-Missjunarju bħala Pellegrin tat-Tama”.
Dawk il-familjari, parroċċi, ordnijiet reliġjużi u movimenti lajkali li jafu lil xi missjunarji li se jkunu fostna f’dan iż-żmien u huma interessati li jattendu, huma mitluba jinfurmaw lill-Kummissjoni Migranti permezz ta’ email fuq [email protected] jew fuq 22039400 bejn it-8:30am u n-12:30pm.




