• Nhar il-Ħamis 14 ta’ Mejju 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jagħti l-Ministeru tal- Lettorat lil tliet seminaristi waqt Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tal-Familja Mqaddsa, L-Iklin, fis-7.00 p.m.

    It-tliet seminaristi, li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma Sinclair Bugeja mill-Parroċċa tal-Familja Mqaddsa, L-Iklin, Ryan Lee Pace mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, Il-Gżira, u Mark Spiteri mill-Parroċċa ta’ San Filep t’Aġġira, Ħaż-Żebbuġ.

    Bil-Ministeru tal-Lettorat is-seminaristi jsiru qarrejja uffiċjali tal-Kelma ta’ Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Huma ser ikollhom ukoll ir-responsabbiltà li jxandru l-Kelma ta’ Alla permezz tal-katekiżmu, kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni Nisranija.

    Dan il-Ministeru li ser jirċievu huwa pass ieħor li jkompli jqarribhom lejn id-djakonat u s-saċerdozju.
    Il-komunità tas-Seminarju tistieden lill-Insara biex ikomplu jitolbu għal aktar vokazzjonijiet u għas-seminaristi kollha, b’mod speċjali għal dawn it-tliet żgħażagħ, biex il-Mulej jagħmel minnhom rgħajja skont qalbu.