-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-festa tal-Milied 2013
-
Konkatidral ta’ S. Ġwann, Valletta
25 ta’ Diċembru 2013Ħuti, aħna ġejna llum biex infakkru t-twelid tal-Mulej, elfejn sena ilu, fil-grotta ta’ Betlem. U l-ewwel mistoqsija li nagħmlu: għaliex fil-grotta? Il-Missier li jista’ kollox, fil-għar ta’ Betlem kellu jitwieled? U din naħseb li hija waħda mill-punti li importanti li nżommu f’qalbna.
Il-misteri kbar tiegħu Alla dejjem ried jaħbihom taħt xi ħaġa sempliċi biex allura naslu għall-konklużjoni: jekk ħareġ daqshekk qawwa mis-sempliċità allura bilfors hemm l-id ta’ Alla. Sar bniedem ġol-għar ta’ Betlem, kien bin mastrudaxxa, fuq is-salib kien qiegħed waħdu meta ħa s-saltna, għażel l-appostli tiegħu li kienu sajjieda. Dejjem mexa bis-sempliċità biex aħna, permezz tal-fidi tagħna, nidħlu iktar fil-fond għal dak li hemm moħbi, ma jkun hemm xejn li jaljenana biex nagħrfu dak li qegħdin naraw u dak li hemm moħbi.
U naħseb li llum xieraq aħna nagħmlu l-istess. Waqt li aħna nħarsu lejn il-presepju jew il-Bambin, tajjeb li aħna niftakru li taħt din is-sempliċità hemm moħbi misteru kbir. U dan il-misteru llum se nipprova nispjegah b’ ‘le’ waħda, u erba”iva’.
L-ewwel ‘le’
Dan kien ta’ meta, skont il-Ġenesi, Alla l-Imbierek ħalaq lill-bniedem, raġel u mara bla ħtija ta’ xejn. U dawn ir-raġel u l-mara, skont il-Ġenesi, b’xi mod, fil-fatt dinbu kontra Alla, ma ridux jisimgħu minnu u għalhekk daħal id-dnub u mad-dnub daħal, ħa ngħidu hekk, qisu ħajt bejn Alla u l-bniedem.L-ewwel ‘iva’
Alla l-Imbierek qal: ‘isma’ lil dawn li issa dinbu, x’se nagħmel bihom jien?’ U l-għażla tiegħu kienet: ‘jiena naċċettahom bħala midinbin, bnedmin li huma midinbin, u nagħmel dak kollu li għandhom bżonn biex huma jersqu lejja’. U din hija l-ewwel ‘iva’. Alla qal ‘iva’ għal bniedem midneb. Tafu kemm hu diffiċli anke għalina li aħna naċċettaw id-dnub ta’ ħaddieħor, imma Alla l-Imbierek, fil-ħniena tiegħu ħa lilna bħala midinbin biex ikun jista’ jagħtina l-maħfra tiegħu.It-tieni ‘iva’
Alla l-Imbierek, meta kienet waslet il-milja taż-żminijiet ried li jibgħat l-ikbar messaġġier li seta’ jibgħat biex aħna nkunu nafu l-qofol tal-misteru. Hu bagħat lil Ibnu u, skont ma jgħid kemm-il darba Sidna Ġesù Kristu, hu ġie mibgħut minn Alla l-Missier. Ma kienx hu li ġie fuq rieda tiegħu, imma ġie bħala ubbidejnza lejn Alla l-Missier. U allura t-tieni ‘iva’ kienet ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ftakru li Sidna Ġesù Kristu fih hemm żewġ doni kbar. L-ewwel don huwa għaliex huwa Alla li ġabilna s-salvazzjoni, mela għandna d-dimensjoni spiritwali għall-miġja ta’ Ġesù. Aħna rridu nkunu salvati. Imma t-tieni don li aħna rridu naħdmu iktar fuqu huwa li Alla l-Imbierek f’Ġesù bagħtilna l-mod kif għandna ngħixu biex naslu għandu. Għalhekk it-twelid ta’ Ġesù mingħajr il-Vanġelu u l-ħajja ta’ Kristu ma jagħmilx sens. Jagħmel sens biss jekk aħna dan il-lejl ngħaqqduh mal-ħajja ta’ Ġesù u ngħixuh kif għexu Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk kien hemm bżonn li jkun Alla li sar bniedem, Alla li ried jimliena bid-divinità tiegħu. Aħna m’aħniex bnedmin weħidna issa, ġol-umanità taghna hemm id-divinità ta’ Kristu, parti mill-eredità tagħna lkoll. Kellu jkun bniedem biex is-salvazzjoni tagħna tkun magħmula mhux minn Alla biss, imma minn Alla li sar bniedem għas-salvazzjoni tagħna.It-tielet ‘iva’
Alla l-Imbierek kellu bżonn lil xi ħadd li permezz tiegħu jkun jista’ jitwieled l-iben tiegħu bħala bniedem. U għandna t-tielet ‘iva’: Sidtna Marija li tisma’ lill-anġlu Gabrijel jgħidilha li hi ġiet imsejħa biex tkun omm Alla u t-tweġiba tagħha tkun: ‘jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek’. Ippruvaw idħlu daqsxejn fil-misteru. Il-Madonna, dak il-ħin, f’isem il-bnedmin kollha kienet qed tgħid lil Alla l-Imbierek: ‘Mulej, idħol fl-istorja tagħna.’ Permezz tagħha, l-Iben t’Alla daħal fl-istorja tagħna. Biex ngħidu hekk, għalkemm mhiex eżatta, il-Madonna tat il-permess li Alla l-Imbierek – ippermettuli l-kelma – jużaha biex permezz tagħha l-Iben jista’ jsir bniedem. U ejjew niftakru kemm kienet kbira l-Madonna. Kellna lil Adam u Eva li qalu ‘le’ lil Alla l-Missier, kellna lil Sidtna Martija li qalet ‘iva’, din id-darba f’isimna lkoll. Aħna lkoll, b’dik l-‘iva’ ta’ Marija għandna sehem mid-divinità ta’ Kristu. Aħna wkoll irridu ngħidu l-‘iva’ tagħna.Ir-raba’ ‘iva’
U f’dan il-misteru kbir għandna l-‘iva’ ta’ Ġużeppi. Ġużeppi f’ħolma ra lill-anġlu li jgħidlu: ‘dik hija omm Alla, ħudha b’martek’. U għalhekk għandna r-raba’ ‘iva’. Alla l-Imbierek sejjaħ lil Ġużeppi biex bħalma fil-bidu nett kienu koppja raġel u mara li kienu xbieha t’Alla, hekk ukoll l-istorja tas-salvazzjoni tagħna tibda minn raġel u mara, Ġużeppi u Marija li b’hekk, permezz tagħhom, Kristu seta’ jitrabba fi ħdan familja.Dan huwa l-misteru li aħna qegħdin niċċelebraw illum. Imma importanti li nifhmu ħaġa waħda. Dan il-lejl li aħna għaddejna ma kienx maħsub biex jibqa’ lejl għalina. Dan il-lejl sar minħabba l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. F’dan il-lejl, kull wieħed u waħda minna qed jiġi mistoqsi minn Alla l-Imbierek: u int x’se tgħidli? Iva jew le? It-triq tan-nofs mhijiex hemm għax min jaħseb li se jibqa’ fit-triq tan-nofs, tant għandna tfixkil madwarna u ġo fina, li faċli jħalli lil Kristu għalkollox. U allura llum rridu nagħmlu din id-deċiżjoni tagħna:’iva, Mulej, jiena rridek tidħol fil-ħajja tiegħi, fil-ħajja tal-familja tiegħi. Iva, Mulej, jien nixtieqek li timxi fil-ħajja tiegħi l-jiem kollha ta’ ħajti’. Din hija l-aħħar ‘iva’ biex tgħaqqad dan iċ-ċirku kollu ta’dan il-misteru. Jalla kull wieħed u waħda minna jsib fih il-fidi u l-kuraġġ biex lill-Mulej jgħidlu ‘iva’ f’dan il-jum.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta