House of Lords

21 membru kattoliku tal-Parlament Ingliż kitbu lil Papa Franġisku jitolbuh jikkunsidra jtaffi ftit mill-istrettezza tar-regola taċ-ċelebat saċerdotali fil-każ ta’ saċerdoti tar-rit Latin. Membri tal-House of Commons u tal-House of Lords, fl-ittra lill-Papa, qalu li r-regola għandha tinbidel biex jibda jkun permess li rġiel miżżewġin ikunu jistgħu jiġu ordnati saċerdoti fejn meħtieġ. Huma sostnew li mhuwiex ġust li dawk li kienu ministri anglikani miżżewġin jitħallew jiġu ordnati saċerdoti kattoliċi fl-Ingilterra, f’Wales u fl-Iskozja – fl-istess ħin li l-Knisja fl-istess pajjiżi tinsisti fuq ir-regola taċ-ċelebat għall-kandidati kattoliċi.

L-ittra ma ssuġġerietx li s-saċerdoti attwali jingħataw il-permess li jiżżewġu. Dan waqt li l-leġislaturi proponew li r-regola taċ-ċelebat tinżamm għall-isqfijiet, bħal fil-knejjes kattoliċi tal-Lvant, li jippermettu rġiel miżżewġa jkunu ordnati saċerdoti.