Pope Francis in Easter Sunday

Il-Papa Franġisku qaddes l-ewwel quddiesa ta’ l-Għid il-Kbir bħala Papa fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Wara l-quddiesa, l-Papa Franġisku wassal l-awguri tal-Għid Urbi et Orbi, lil Ruma u lid-dinja, mingħajr ma żamm mat-tradizzjoni li jwassal l-awguri b’lingwi differenti.

Il-Papa appella għall-paċi fi Lvant Nofsani fejn in-nies għadhom qed jitħabtu biex isibu l-kuraġġ li jwassal għall-paċi. Il-Papa saħaq dwar il-ħtieġa tat-talb għall-paċi u biex tieqaf il-gwerra fis-Sirja. F’talba oħra hu talab sabiex jieqfu s-sofferenzi tar-refuġjati Sirjani. Hu appella għall-paci fl-Afrika, speċjalment fil-Mali, f’attentati kontinwi u mdemmija bi tfal li qed jispiċċaw ostaġġi tat-terroristi. L-appell tal-Papa kien ukoll għall-paċi fil-Korea.

Wara l-quddiesa, Papa Franġisku sellem lill-Kardinali kollha u niżel ikompli jsellem lill-pubbliku numeruż preżenti fi Pjazza San Pietru minn fuq il-Popemobil akkumpanjat mill-iskorta tas-sigurtà. Kif kien għaddej fil-pjazza, Papa Franġisku bies xi trabi fuq moħħhom, kien hemm min deher jgħaddilu gear tal-futbol u f’mument ieħor kommoventi, Papa Franġisku għannaq u bies tfal bi bżonnijiet speċjali.

Il-Papa Franġisku b’ferħ kbir għajjat l-Għid it-tajjeb għal darbtejn. Huwa wera x-xewqa li l-ferħ li jġib miegħu l-Għid il-Kbir jasal f’kull dar u f’dawk li qed ibatu fil-ħabsijiet u fl-isptarijiet.  Il-Papa wera x-xewqa li l-ferħ tal-Għid il-Kbir  jasal f’qalb l-umanità kollha. Il-Papa saħaq li l-imħabba ta’ Kristu hija akbar minn kull ħażen u qal li tista’ tiffjorixxi u tiġġedded. Fi kliemu, Papa Franġisku qal li din hija l-imħabba t’Alla li hija kollha ħniena u li għandha twassal għall-ħajja eterna. Il-Papa spjega kif Kristu daħal fil-ħajja divina permezz tal-umanità b’sinifikat ta’ ħajja ħielsa mimlija mħabba. Il-Papa stieden l-umanità sabiex tilqa’ l-grazzja tal-qawmien ta’ Ġesu Kristu sabiex il-miżerja tinbidel f’imħabba kbira.

Papa Franġisku saħaq li l-agħar skjavitù jseħħ meta wieħed jinqeda bid-dinjità tal-bniedem. Irringrazzja wkoll lil dawk li kontribwixxew fl-arranġament tal-fjuri fi Pjazza San Pietru. Ta’ min jgħid li eluf ta’ Nsara ippakkjaw Pjazza San Pietru sa minn kmieni filgħodu qabel ma bdiet il-quddiesa tal-Papa.