-
-
It‑Tribunali Ekkleżjastiċi ta’ Malta u Għawdex iċċelebraw l‑inawgurazzjoni tas‑Sena Ġudizzjarja. Din l‑inawgurazzjoni li saret fil‑Palazz tal‑Arċisqof, il‑Belt Valletta, kienet imqanqla mix‑xewqa tal‑Papa Franġisku li t‑tribunali tal‑Knisja juru dejjem iktar kontabbiltà fil‑ħidma tagħhom u jkunu eqreb lejn il‑komunità ta’ fidi li huma jaqdu.
Din is‑sena l‑mistieden speċjali kien l‑E.T. Monsinjur Maurice Monier, il‑Pro Dekan tat‑Tribunal Appostoliku tar‑Rota Rumana, li kien ukoll involut fil‑kummissjoni li f’dawn l‑aħħar snin irriformat il‑proċessi ta’ nullità taż‑żwieġ permezz tad‑dokument Mitis Iudex Dominus Iesus. Mons. Monier ta Lectio Magistralis dwar it‑tema: “L‑evalwazzjoni tal‑istqarrijiet u d‑dikjarazzjonijiet tal‑partijiet u x‑xhieda fil‑kawżi ta’ nullità taż‑żwieġ; id‑duttrina u l‑prassi preżenti tar‑Rota Rumana”.
Fetaħ l‑inawgurazzjoni l‑Arċisqof Charles J. Scicluna b’diskors ta’ merħba fejn qal li l‑pedament tal‑ġustizzja hija l‑verità, u l‑ġustizzja mhijiex biss virtù kardinali iżda wkoll marka ta’ ċiviltà. Nuqqas ta’ ġustizzja tagħmel soċjetà inqas ċivilizzata.
It‑tliet Vigarji Ġudizzjali ta’ Malta u Għawdex tkellmu dwar is‑sena ta’ ħidma 2018 u taw ’il quddiem għal din is‑sena. Il-Vigarji Ġudizzjali tat-Tribunali ta’ Malta, Rev. Kan Brendan Gatt, Vigarju Ġudizzjali tat‑Tribunal Metropolitan tal‑Ewwel Stanza, u Mons. Joseph Bajada, Vigarju Ġudizzjali tat‑Tribunali Reġjonali tat‑Tieni Stanza, tkellmu dwar il‑mod li bih qed jiġu ttrattati l‑kawżi li qed iwassal biex jonqos il‑backlog li kien hemm f’dawn l‑aħħar snin. Ir‑riforma li saret fil‑2015 u organizzazzjoni aħjar tat‑tribunali qed juri l‑frott. Mons. Edward Xuereb, il‑Vigarju Ġudizzjali tat‑Tribunal ta’ Għawdex, ta wkoll ir‑rapport tiegħu.
Bħala parti mill‑attivitajiet marbuta mal‑inawgurazzjoni tas‑Sena Ġudizzjarja, li saret nhar l‑Erbgħa, 23 ta’ Jannar 2019, Mons. Monier kellu wkoll laqgħa ta’ taħriġ u formazzjoni mal‑istaff tat‑tribunali tal‑Knisja.
-
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti