Minn Castelgandolfo, il-Papa Benedittu XVI wassal ir-riflessjoni tiegħu f’katekeżi oħra minn sensiela, din id-darba iffoka fuq l-ewwel parti ta’ Salm numru 22, b’approfondiment fuq it-talb ta’ supplikazzjoni lil Alla.
Is-Salm, li jitfaċċa mill-ġdid fin-narrazzjoni tal-passjoni ta’ Kristu, jippreżenta l-figura ta’ bniedem innoċenti persegwitat u mdawwar bl-avversarji jfittxu l-mewt tiegħu. Idawwar ħarstu lejn Alla u jitlob b’ton ta’ lamentazzjoni pero b’fiduċja sħiħa lejn Alla, li misterjożament tinbidel f’tifħir.
Il-Papa jkompli bil-meditazzjoni tiegħu, “‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ – il-bikja tas-Salmista – hi appell indirizzat lil Alla li jidher li hu fil-bogħod, li ma jweġibx…sieket… silenzju li jġiegħel lis-Salmista jissokta bil-karba tiegħu, mingħajr ma jsib tweġiba. Madankollu, isejjaħ lill-Mulej, ‘Alla tiegħi’, f’att ta’ fiduċja sħiħa fih”.
L-istess lamentazzjoni tas-Salmista tidher mill-ġdid fl-Evanġelji ta’ San Mattew u San Mark, fil-karba ta’ Ġesu bis-salib. Benedittu XVI ikompli li l-istess sentimenti tas-Salmista fl-Antik Testment jesperjenzahom Ġesu ridikulat u umiljat. “Ġesu, l-Iben t’Alla ukoll dar bil-karba tiegħu lejn il-Missier, karba li b’differenza minn dik tas-Salmista, ma kinitx iddisprata”.
Il-Papa jkompli billi jgħid li għas-Salmista l-karba bħal donnha wasslitu biex jaqta’ qalbu – il-mewt. Hawn pero l-Kap tal-Kattoliċi jgħid li tasal karba ġdida li tipproklama l-fidi, lil hinn minn kull inċertezza umana. “Is-Salm ibiddel it-ton għal wieħed ta’ radd il-ħajr. Il-Mulej li jsalva lill-bniedem jitlob u jurih ħniena – il-punt fejn il-mewt u l-ħajja jiġu flimkien f’misteru inseparabbli, bil-ħajja titrijonfa.Hi rebħa tal-fidi, li tbiddel il-mewt fil-premju tal-ħajja; l-abbiss tat-tbatija f’għajn ta’ tama – kif riflessa fil-ferħ li jġib il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu”.
Il-Papa temm iħeġġeġ biex kulħadd jafda f’Alla, idur lejh bit-talb – fejn il-karba umana tittrasforma ruħha f’innu ta’ radd il-ħajr.