Church in EU

L-1 ta’ Diċembru jimmarka d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li jintroduċi flil-liġi primarja tal-UE Artiklu ta’ importanza kbira għall-Knejjes. Bis-setgħa ta’ Artiklu 17 tat-Trattat tat-tħaddim tal-UE, l-UE tirrikonoxxi l-identita u l-kontribut speċifiku tal-Knejjes u tintroduċi fuq dawn il-linji djalogu miftuħ, trasparenti u regolari magħhom.

Grazzi għal dan l-Artiklu, Knejjes u komunitajiet reliġjużi se jkunu jistgħu isaħħu d-djalogu tagħhom mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Kunsill u l-Parlament u hekk jikkontribwixxu b’mod effettiv għal riflessjoni tal-politika Ewropea.

Ispirati mit-tagħlim soċjali tal-Knisja u msaħħa mill-esperjenza fl-isfond, il-Knejjes se jkunu jistgħu jidħlu fi djalogu kostruttiv u kritiku ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa fil-qasam tal- politika imressqa ‘l quddiem mill-UE. Hekk kif għadu kif fetaħ seklu ġdid, l-istess sfidi urġenti jibqgħu jippreokkupaw kemm lill-UE kif ukoll lill-Knejjes; il-promozzjoni tad-dinjita umana ta’ kull persuna, is-solidarjeta mal-ifqar fis-soċjeta, ekonomija li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru, solidarjeta bejn il-ġenerazzjonijiet u lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-bidla fil-klima u d-djalogu interkulturali, fost oħrajn.

Il-Knejjes tal-Ewropa għalhekk jilqgħu id-djalogu bejn L-UE u l-Knejjes u l-komunitajiet reliġjużi bħala strument li jagħtihom il-faċilita lijissieħbu mal-UE b’mod iktar effettiv sabiex din issir komunita ta’ popli u valuri, konxja mir-responsabbiltajiet tagħha u maqgħuda.

Fl-aħħar snin, djalogu prattiku kien diġa ġie stabbilit bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej, il-COMECE u l-imsieħba ekumeniċi tagħha. Grazzi għal dan id-djalogu, kibret tul is-snin il-fiduċja bejn il-Knejjes u l-istess Istituzzjonijiet. Il-COMECE issa tixtieq li dan id-djalogu jintensifika abbażi tal-Artiklu 17. Il-COMECE tappella lill-Knejjes u lill-insara fl-Ewropa kollha sabiex jaħtfu u jisfruttaw din l-opportunita, abbażi tal-għarfien tagħhom, biex jagħtu sehemhom kif jixraq f’dan il-proġett Ewropew.

Il-COMECE, flimkien mal-imsieħba ekumeniċi tagħha mill- Konferenza tal-Knejjes Ewropej, is-CEC, se tagħmel daqt il-proposti speċifiċi tagħha lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament u lill-Kunsill dwar kif għandu jiżviluppa d-djalogu fil-prattika.