• Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) bħal għadd kbir ta’ ċittadini oħra, għadha maħsuda bid‑deċiżjoni tal‑Awtorità tal‑Ippjanar (PA) li tapprova l‑proġett estensiv ta’ db Group fil‑Bajja ta’ San Ġorġ. Bħalma għamlu ċittadini oħra li bħalha kienu inkwetati bil‑proposta ta’ dan il‑proġett, il‑KA kienet bagħtet l‑oġġezzjonijiet tagħha fit‑30 ta’ Mejju 2018.[1] Issa li d‑deċiżjoni ttieħdet, aktar milli toqgħod tirrepeti dawn l‑oġġezzjonijiet, il‑KA tħoss li jkun aktar f’waqtu tpoġġi għadd ta’ mistoqijiet li fil‑fehma tagħha jixirqilhom ikunu mwieġba:

    • Kif tista’ l‑PA torbot deċiżjoni bħal din mal‑missjoni tagħha li “taġixxi f’isem il‑komunità biex tipprovdi ambjent bilanċjat u sostenibbli,”[2] meta wieħed iqis li ġew injorati eluf ta’ oġġezzjonijiet kontra dan l‑iżvilupp? Fost dawn l‑oġġezzjonjiet kien hemm dawk tal‑komunitajiet (ta’ Pembroke, San Ġiljan u s‑Swieqi) li ser ikunu milquta direttament minn dan il‑proġett. X’raġuni moħbija seta’ kien hemm li kienet tiġġustifika li ma jingħatax każ ta’ dawn l‑oġġezzjonijiet? Liema interessi qed tħares il‑PA? Huwa ċar li f’deċiżjonijiet bħal din, żgur mhux l‑interessi tal‑komunitajiet tal‑madwar.
    • Kif tista’ awtorità tal‑ippjanar tagħlaq widnejha għall‑appelli li jsirulha (inklużi dawk ripetuti u konsistenti taċ‑Chairperson tal‑Planning Board fil‑PA) li jesiġu li proposti għal żvilupp (partikolarment għal din iż‑żona) jiġu deċiżi f’kuntest ta’ masterplans jew pjani lokali? Kif tista’ awtorità tal‑ippjanar tiffavorixxi proġetti enormi li qed jiġu proposti kif ġie ġie u li, jekk iseħħu, iġibu taqlib kbir fil‑fibra soċjali, mingħajr ma l‑ewwel tkun għamlet masterplan jew pjan lokali li fuqu tista’ timxi? Pjanijiet bħal dawn, jekk magħmula bil‑għan li l‑ġid komuni jiġi mħares, mhux biss jgħinu biex ikollna mmaniġġjar sostenibbli tal‑ispazju limitat ta’ pajjiżna, imma wkoll juru li l‑PA hija tassew kommessa li twettaq il‑missjoni tagħha, jiġifieri “li tħabrek għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall‑komunità permezz ta’ servizzi ta’ ppjanar trasparenti u ġusti għall‑komunità, illum u fil‑ġejjieni”.[3]

    L‑inkonsistenza li spiss qed naraw fid‑deċiżjonijiet tal‑PA żgur mhijiex tgħinha twettaq il‑viżjoni li “tagħmel minn Malta u Għawdex pajjiż isbaħ u li tieħu pjaċir tgħix fih”.[4] Anke l‑PA nġarret mill‑mikrobu tal‑pro‑business akkost ta’ kollox? Jekk dan huwa l‑każ, u jidher li l‑PA qed tikkonferma li hija kelb tal‑għassa bla snien (bħall‑MEPA qabilha), liema awtorità se jkollha s‑saħħa li tisfida l‑mudell ta’ progress kurrenti, u tippromwovi strateġija ta’ żvilupp li tkun pro‑komunità?

    Fi żmien meta, minħabba l‑iżvilupp bla rażan, qed jikber il‑periklu li l‑kwalità tal‑ħajja taċ‑ċittadini u tal‑komunitajiet titmermer, l‑ebda deċiżjoni ma għandha tispiċċa vittma ta’ partiġġjaniżmu politiku. L‑oġġezzjonijiet għal din id‑deċiżjoni (u għal deċiżjonijiet simili) jagħmluhom ċittadini komuni u residenti li jħaddnu twemmin politiku varjat. Iżda lkoll kemm huma jinkeddu li l‑kwalità tal‑ħajja urbana qiegħda dejjem tmur lura minħabba nuqqas ta’ ppjanar u sostenibbiltà fl‑iżvilupp. Malta m’għandhiex bżonn aktar logħob u battibekki bejn il‑partiti politiċi, imma sforz ġenwin biex ikollna policies ta’ ppjanar li huma pro‑komunità.

    Huwa diffiċli tifhem kif waqt li l‑Awtorità tal‑Ippjanar ma qieset xejn l‑inkwiet ġustifikat li wrew il‑komunitajiet li ser jintlaqtu mill‑proġett propost mid‑db Group, fl‑ewwel ġimgħa ta’ Ottubru se torganizza konferenza bit‑tema Planning for Liveable Places (Ippjanar Adattat għal Spazji li Jgħixu Fihom in‑Nies).[5] Waqt din il‑konferenza se tiġi diskussa “il‑ħtieġa li jinħolqu l‑kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jiggarantixxu stil ta’ ħajja xierqa fl‑ispazji fejn jgħixu n‑nies”.[6] Jekk dak li jkollhom xi jgħidu l‑komunitajiet dwar il‑lokalità fejn jgħixu ma jingħatax widen, il‑KA temmen li l‑gżejjer tagħna mexjin lejn sistema ta’ ppjanar li mhux biss ma tagħtix kas li jitjieb l‑ambjent li fih jgħixu l‑komunitajiet, imma li lanqas jimpurtaha mill‑bżonnijiet tagħhom.

    [1]http://ms.maltadiocese.org/WEBSITE/2018/PRESS%20RELEASES/57%20KA
    %20REACTION%20ST%20GEORGE%27S%20BAY%20EN.pdf

    [2] https://youtu.be/yoL6zvhD0L4

    [3] Ibid

    [4] Ibid

    [5] https://www.pa.org.mt/masp2018

    [6] Ibid

    3