• Fl‑2017, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat tnaqqis ta’ €1.44 miljun fis‑surplus nett għal total ta’ €0.37 miljun, mill‑€1.81 miljun irreġistrat fl‑2016. 

    L‑infieq żdied b’riżultat tal-impenn kontinwu li jitjiebu s-servizzi pastorali, li ġab miegħu żieda fl-impjegati fl-entitajiet kollha tal-Arċidjoċesi. Ġew irreġistrati żidiet sinifikati fir‑riżorsi umani fid‑djar tal‑anzjani, fid‑djar tat‑tfal, fid‑djar tal‑persuni b’diżabilità u fil‑Kurja tal‑Arċisqof. Fost l‑oħrajn, dawn ir‑riżorsi addizzjonali kienu meħtieġa sabiex itejbu s‑servizzi mogħtija lir‑residenti anzjani, itejbu s‑servizzi mogħtija lit‑tfal u jkun hemm firxa aktar wiesgħa ta’ servizzi għall‑persuni b’diżabilità. L‑Arċidjoċesi ħaddmet 1,209 persuni, li 883 minnhom kienu fuq bażi full‑time. Minbarra dawn l‑impjegati lajċi, l‑Arċidjoċesi pprovdiet remunerazzjoni lil 262 saċerdot djoċesani.

    Ġiet irreġistrata wkoll żieda fl‑ispejjeż operattivi marbuta mas‑servizzi offruti mill‑Arċidjoċesi. Bħala parti mill‑obbligu tal‑Knisja li tippreserva u żżomm f’kundizzjoni tajba l‑wirt kulturali tagħha, żdied ukoll l‑infiq għar‑restawr u l‑konservazzjoni fuq il‑proprjetà u l‑opri tal‑arti. It‑telf mhux irrealizzat (unrealised losses) fuq l‑iskambju minħabba d‑dgħufija tad‑dollaru Amerikan kontra l‑ewro kellu impatt negattiv. Il‑ħlas annwali tat‑taxxa ammonta għal €1.11 miljun.

    Iż-żieda fl-infiq kienet possibbli minħabba żieda fid-dħul ta’ €2.1 miljun. Iż-żieda ta’ €0.48 miljun fil-ġbir u d-donazzjonijiet mill-pubbliku għamlet tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul minn fundraising ta’ €0.22 miljun. Il‑kontribuzzjonijiet tal‑Gvern lid‑djar tat‑tfal u lil Caritas, fost entitajiet oħra, żdiedu bi €1.13 miljun. Id‑dħul mill‑miżati tar‑residenti fid‑djar tal‑anzjani żdied primarjament b’riżultat tal‑ftehim ta’ Sħubija Pubblika Privata (PPP).

    Il‑Kurja tal‑Arċisqof irreġistrat surplus nett ta’ €0.89 miljun wara d‑distribuzzjoni ta’ sussidji u telf mhux irrealizzat fuq l‑iskambju. Is‑sussidji żdiedu minn €0.46 miljun fl‑2016 għal €0.61 miljun is‑sena li għaddiet. Dawn ingħataw lil diversi entitajiet tal‑Arċidjoċesi, prinċipalment lid‑djar tat‑tfal, id‑djar tal‑anzjani, is‑servizzi tal‑midja u l‑Fondazzjoni għall‑Istudji Teoloġiċi. Ġew ikkontrollati l‑ispejjeż operativi filwaqt li l‑ispejjeż marbuta ma’ xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni żdiedu bi 15% b’riżultat tat‑tkomplija ta’ xogħlijiet estensivi mibdija fl‑2016 fuq proprjetà tal‑Kurja. Ġiet irreġistrata żieda sinifikanti fid‑donazzjonijiet, bil‑fattur ewlieni jkun il‑kontribuzzjonijiet tan‑nies għal proġetti speċifiċi. Id‑dħul mill‑investiment żdied b’riżultat ta’ dividend ogħla mill‑APS Bank.

    Is‑Segretarju Ammnistrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, is‑Sur Michael Pace Ross, innota li t‑tnaqqis fis‑surplus kien ukoll riż​ultat ta’ żieda fis‑sussidji lill‑entitajiet li jipprovdu servizzi lil nies vulnerabbli fis‑soċjetà. Is‑Sur Pace Ross qal li kulma jmur aktar persuni qed jagħżlu li jaħdmu mal‑Arċidjoċesi u b’hekk tagħmilha possibbli li toffri servizz aktar professjonali.​

    Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport finanzjarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2017.

     

  • Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti