Konkatidral ta’ San Ġwann

17 ta’ Marzu 2012

Ħuti,

Minn mindu tħabbret il-mewt ta’ Dr Ċensu Tabone, il-media kollha kienu mimlija bil-bravura ta’ Dr Tabone, u sirna nafu ħafna affarijiet li forsi mhux kulħadd kien jaf fuq kemm il-figura tiegħu kienet importanti għall-istorja kollha ta’ Malta, ġo pajjiżna u barra minn pajjiżna.

Aħna ġejna hawnhekk illum biex naraw din ir-realta li qegħdin ngħixu fid-dawl tal-fidi nisranija u flimkien se nippruvaw nagħmlu riflessjoni Nisranija fuq din il-ġrajja.  Jien xtaqt li ninterpreta din il-ġrajja tal-lum fid-dawl tal-aħħar Ittra Pastorali li ħriġna jiena u l-Isqof Mario Grech, li kienet titratta l-istorja tal-eżilju tal-poplu Lhudi. Aħna, f’dik il-Pastorali, għidna li l-bniedem fih innifsu qed jgħix l-esperjenza tal-eżilju l-ewwel għaliex huwa magħmul għas-sema pajjiżu, għaliex hawnhekk qiegħed jgħix eżilju, u t-tieni għaliex f’din id-dinja, in-Nisrani huwa msejjah biex ma jintrabatx ma’ dak li huwa materjali, li huwa parti minn dan l-eżilju tagħna, imma minn issa stess jibda jfittex il-valuri li jwassluh biex joħroġ minn dan l-eżilju ħalli jkun jista’ jgawdi lil Mulej għal dejjem.

L-ewwel riflessjoni xtaqt ngħaqqadha mal-valur ta’ din il-ġrajja tal-lum. Għal min jemmen, illum ħuna, Dr Ċensu Tabone mhux qiegħed imur fl’eżilju minn din il-ħajja, imma qiegħed propju fil-post li aħna lkoll maħluqin għalih, jiġifieri l-eternita.  Dan nafuh għaliex huwa mpossibbli li Alla l-Imbierek, fil-ħniena tiegħu, tana biss dawn il-ftit snin, allavolja Dr Tabone għex, niżżuħajr ’l  Alla, eta avvanzata.  Allaħares, aħna li nemmnu, l-imħabba t’Alla lejna l-bnedmin kellna nillimitawa għal din il-ġrajja tal-ftit snin li ngħixu hawnhekk.  Mhux talli hekk, talli S. Pawl f’waħda mir-riflessjonijiet li għamel qal: kieku Sidna Ġesu Kristu ma kienx jgħaddi minn dak li għadda hu, biex wara l-mewt ikun jista’ jqum, kieku aħna ma konniex u ma kellniex il-ħajja ta’ dejjem.  Mela aħna qegħdin illum niċċelebraw id-dħul ta’ ħuna Dr Ċensu Tabone f’dak li huwa l-post li aħna maħluqin għalih: l-eternita.

Ħa nfakkarkom daqsxejn xi smajna fit-tieni lezzjoni tal-lum: “Ħienja l-mejtin li jmutu fil-Mulej”.  U qrajna wkoll fil-ktieb tal-Apokalissi: “huma jistrieħu”, il-mejtin, “mit-taħbit kollu tagħhom”.  Il-Mulej lil ħuna Dr Tabone tah għomor twil u ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla imma xorta kellu jasal dan il-mument li fih huwa jiltaqa ma’ l-eternita. It-tama tagħna hija li dan il-mument li għadda minnu ħuna Dr Tabone, huwa mument li jwasslu għal dak li hu għex għalih u għal dak li hu emmen fih,  jiġifieri l-ħajja ta’ dejjem ma’ Alla l-Imbierek.

Fil-ktieb tal-Apokalissi aħna qrajna wkoll dan il-kliem: “l-għemejjel tagħhom imorru magħhom”. Hawnhekk fil-ktieb tal- Apokalissi, S. Ġwann qiegħed jgħidilna li aħna bħala bnedmin se nġorru magħna għall-eternita il-wirt li aħna nkunu ħdimna għalih biex dak ikun il-passaġġ tagħna għall-eternita. L-eternita tagħna, ħuti, mhijiex biss il-mument meta aħna mmutu imma hija l-ħajja kollha tagħna li ngħixu fid-dawl ta’ l-eternita li aħna qegħdin nistennew.

Il-konsolazzjoni tagħna illum hija li Dr Tabone għex fuq din l-art imdawwar mill-valuri Nsara. Ħafna mill-affarijiet sbieħ li kulħadd beda jitkellem fuqhom ċertament ġejjin mill-fidi li hu kellu, ispirat mill-Mulej Ġesu, li ġiegħlu jkun dak li hu fit-totalita kollha tiegħu.  Meta nħarsu lejn il-ħajja tiegħu naraw li l-fidi nisranija kienet ibbażata fuq erbgħa punti prinċipali:

  • L-iktar punt prinċipali kienet il-quddiesa ta’ kuljum li hu kien jagħmel minn kollox, sa kemm baqa’ b’saħħtu, biex ikun jista’ jattendi.
  • It-tieni kienet it-talba li hu kien jgħid u li ssibuha fuq is-santa li se tingħatalkom, dak li aħna ngħidu fil-Missierna: ikun li trid int. Nuri x-xewqa tiegħi lil Alla l-Imbierek, imma mbagħad il-fiduċja kbira tiegħi fih twassalni biex ngħidlu: ikun dak li trid int.
  • It-tielet: hu kellu devozzjoni kbira lejn Sidtna Marija li fiha kien jemmen ħafna u kien jipprova jgħix ħajtu qrib tagħha.
  • L-aħħar riflessjoni dwar il-ħajja tiegħu: Fil-Vanġelu tal-lum aħna rajna lil dak l-għama li jmur għand Ġesu. U Ġesu jgħidlu: imma xi trid?  U dak jwieġbu: li nara Mulej.  Min jaf kemm il-darba Dr Tabone kien imur għand il-Mulej fil-mumenti diffiċli li għex u jitlob lil Mulej, u l-Mulej jagħmillu l-istess mistoqsija: xi tridni nagħmillek? U hu jwieġbu: Mulej, li nara fid-dlam ta’ dan il-mument, nixtieq li nara, fil-mument fejn ma nistax nifhem x’qed jiġri madwari, li nara Mulej, li nara! U min  jaf kemm il-darba l-ispirazzjonijiet li ħa direttament fit-talb minn għand il-Mulej kienu swewlu biex hu jkun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet li kienu l-aktar ta’ ġid għal pajjiż tagħna.

Dr Tabone rnexxielu jgħaqqad fil-ħajja tiegħu l-bravura professjonali ma’ dak il-valur tas-Saltna li hija l-karita, l-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu. Irnexxielu jgħaqqad il-karriera politika tiegħu ma’ dawk li huma l-valuri propji tas-Saltna t’Alla ma’ l-onesta, r-rispett u l-ġustizzja.  Hu rnexxielu wkoll jgħaqqad il-missjoni taż-żwieġ tiegħu ma’ mħabba li baqgħet friska sal-lum lejn il-mara tiegħu, is-Sinjura Mary, kif ukoll lejn it-tfal tiegħu, xi ħaġa li bilfors timlik bil-ferħ għax tixhed il-preżenza tal-Mulej.

X’se jiġri llum, ħuti?  L-ewwel lezzjoni tal-lum tatna daqsxejn ta’ ħjiel; kien qari mill-ktieb tal-Makkabin. Kienu qegħdin fi ġlieda, mietu xi wħud minnhom, x’għamlu? Għamlu sagrifiċċju biex huma jkunu jistgħu jgħinu lil dawk li marru qabilhom.  Ir-relazzjoni tagħna ħuti, mhux tispiċċa, ir-relazzjoni tagħna tinbidel.  Dak li qabel kien jgħaddi mis-sensi tagħna f’dan il-mument ma jistax jibqa’ għaddej permezz tas-sensi tagħna imma jrid jidħol permezz tal-eternita tal-Mulej Ġesu biex tinbena relazzjoni ġdida permezz tat-talb.

Jiena dan li nixtieq li ngħid lil familja tiegħu, lis-Sinjura Mary, ukoll lil-uliedu kollha u lin-neputijiet: ejjew nirringrazzjaw lil Mulej li tana l-ewwelnett l-għomor twil f’Dr Ċensu Tabone. Nirringrazzjaw lil Mulej li ħallilna memorji sbieh u allura l-memorji huma dawk li jagħtu ħajja ġdida għal dik li hija relazzjoni.  U jiena x-xewqa tiegħi f’isem kulħadd hi li nagħtikom l-għomor, għomor li jkun mimli bil-memorji kollha ta’ Dr Ċensu Tabone.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta