Il-Kappillan tal-Parrocca ta’ Pembroke, Dun Rene Vella, ppreżenta lill-Arċisqof Pawlu Cremona, kopja tal-proġett ‘Elf Minuta’ mniedi mill-istess parroċċa bi tħejjija għaż-Żjara Pastorali tal-Arċisqof. Il-preżentazzjoni saret matul il-Quddiesa fil-ftuħ taż-Żjara Pastorali nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu 2012.

Il-proġett ‘Elf Minuta’ jikkonsisti f’inizjattiva ta’ għaxar minuti talb kuljum għal mitt jum, mit-8 ta’ Diċembru 2011, il-jum li fih  il-Parroċċa ta’ Pembroke ċċelebrat is-seba’ anniversarju mit-twaqqif tagħha, sas-16 ta’ Marzu 2012, l-aħħar jum ta’ tħejjija u l-bidu taż-żjara pastorali tal-Arċisqof. Il-Parroċċa pprovdit għajnuna għal dan il-ħin ta’ talb f’għamla ta’ fuljett ċkejken ta’ mitt paġna, b’ talba għal kull jum. L-isem tal-fuljett, ‘Min Int Mulej?’ ifakkar li l-iskop ta’ min jitlob huwa l-għarfien ta’ Alla, u bis-saħħa t’hekk l-għarfien tiegħu nnifsu, jiġifieri tal-persuna. Il-fuljett, ppreżentat f’kaxxa llegata, tqassam ukoll lil madwar mitt ruħ mill-parroċċa li mpenjaw ruħhom f’din l-inizjattiva ta’ talb.

Kull fuljett fih erba’ taqsimiet qosra, bi ħsieb wieħed li jorbothom flimkien. Għad li l-mitt ħsieb mhumiex mifruxa fuq is-Sena Liturġika kollha, huma magħżula b’mod li jirriflettu kemm jista’ jkun il-misteru kollu tas-salvazzjoni. Il-kulur tal-fuljetti huwa dak liturġiku: l-abjad għall-festi u għal żmien il-Milied; il-vjola għal żmien l-Avvent u r-Randan;  l-aħdar għaż-Żmien ta’ matul is-Sena; l-aħmar għall-Martri.

Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]