-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jagħti preżentazzjoni u jniedi l‑verżjoni bil‑Malti tal‑Eżortazzjoni Appostolika l‑ġdida tal‑Papa Franġisku Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew). Il‑preżentazzjoni ser issir nhar il‑Ħamis, 31 ta’ Mejju 2018, fis‑7pm, fil‑bitħa ċentrali tas‑Seminarju tal‑Arċisqof, tal‑Virtù, ir-Rabat. Fi tmiem il‑preżentazzjoni l‑Arċisqof ser imexxi mument ta’ talb. Il‑pubbliku huwa mistieden jattendi.
F’din l‑eżortazzjoni, il‑Papa Franġisku jitkellem dwar is‑sejħa għall‑qdusija fid‑dinja tal‑lum. Fiha l‑Papa jfakkar li l‑Knisja tgħallem li l‑qdusija hija sejħa universali, jiġifieri li l‑bnedmin kollha, mhux l‑Insara biss, jistgħu jsiru qaddisin, u dan billi jgħixu l‑Beatitudnijiet li nsibu fl‑Evanġelju. Anke f’din l‑eżortazzjoni, il‑Papa Franġisku jitkellem dwar il‑ferħ u l‑hena tal‑ħajja Nisranija kif jixhed it‑titlu stess tal‑eżortazzjoni, Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew), li huwa l‑istess kliem li Ġesù jgħid lil dawk li huma ppersegwitati jew umiljati għaliex jimxu warajh (ara Mt 5:12).
Il‑Papa Franġisku ppubblika żewġ eżortazzjonijiet oħra: Evangelii Gaudium fl‑2013 u Amoris Laetitia fl‑2016. Dan wara ż‑żewġ enċikliċi, Lumen Fidei u Laudato si’, li nkitbu wkoll matul dawn l‑aħħar ħames snin tal‑Pontifikat tiegħu.
It‑traduzzjoni tal‑Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et Exsultate mit‑Taljan għall‑Malti saret minn Francesco Pio Attard għall‑Konferenza Episkopali Maltija. Il‑verżjoni stampata li tinkludi werrej tematiku hija disponibbli mill‑ħanut Emmaus f’Birkirkara, filwaqt li l‑verżjoni online hija aċċessibbli hawnhekk u fuq il‑website tas‑Segretarjat għal‑Lajċi www.laikos.org fejn hemm ukoll verżjoni bl‑awdjo għall‑persuni neqsin mid‑dawl.
-