L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Santa Luċija hi qaddisa li hija ’l bogħod minna fiż-żmien. Għexet fit-tielet seklu u mietet martri fil-bidu tar-raba’ seklu, fis-sena 304. Hi ’l bogħod fiż-żmien, imma fl-istess waqt hi viċin ħafna tagħna fil-messaġġ li tagħtina għal ħajjitna llum.
Nixtieq insemmi tliet punti prinċipali dwarha.
Marbuta ma’ dak li jibqa’ għal dejjem
Santa Luċija rabtet qalbha ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Kienet ta’ fidi kbira, għaliha Alla kien kollox. Għalhekk riedet tiddedika ħajjitha lilu bħala verġni kkonsagrata biex tagħti lilha nnifisha kollha kemm hi lil Alla. Għarfet torbot qalbha ma’ dak li jibqa’ għal dejjem, u dan hu li kienet tfittex tul ħajjitha.
Fost l-istejjer li jirrakkontaw fuqha, jingħad li darba qalet lil ommha: dak li għandek tagħti b’karità, agħtih issa. Meta tasal fl-aħħar ta’ ħajtek, tkun qed tagħti u tħalli dak li ma tistax tieħu miegħek. Dak li tista’ tagħtih issa, agħtih issa, toqgħodx tistenna li tiġi għall-aħħar ta’ ħajtek. Kienet din il-libertà li kellha għax fittxet li torbot qalbha ma’ dak li jibqa’ għal dejjem.
F’dan, Santa Luċija tagħtina messaġġ importanti. Kif ngħidu f’talba li spiss nirrepetu fil-quddiesa, aħna lkoll imsejħin biex ma norbtux qalbna mal-ġid li jkollna imma nużawh b’mod li qalbna norbtuha ma’ dak li jibqa’ għal dejjem. Dan il-valur etern narawh anke fil-ħidma ta’ kuljum. Niftakru li l-ħidma li nagħmlu tgħaddi, it-taħbit jgħaddi, imma jekk dak li nagħmlu jkun bi mħabba, l-imħabba li ngħixu f’din il-ħidma tibqa’ għal dejjem.
Persuna ta’ prinċipju
Santa Luċija kienet persuna ta’ prinċipju. Għarfet tgħix il-fidi tagħha bil-kuraġġ, b’qawwa, mingħajr biża’ u b’fedeltà sal-aħħar.
Nafu li kellha tgħaddi minn ħafna tbatija minħabba f’hekk. Kienet arrestata, għaddiet minn pressjoni u minn tortura, imma ma ċedietx, baqgħet soda. Għażlet is-sewwa anke quddiem min kellu l-poter. Spiċċat martri fi żmien il-persekuzzjoni tal-Imperatur Dijoklezjanu.
F’dan kollu, Santu Luċija hi eżempju kbir għalina llum biex inkunu nies ta’ prinċipju. Ngħixu l-fidi tagħna u l-valuri kollha li huma espressjoni ta’ dak li nemmnu, u nagħmlu dan mingħajr biża’.
Jiġri kultant li qisna nibżgħu nistqarru l-fidi tagħna għax nibżgħu mill-konsegwenzi jekk nuru li nemmnu. M’għandna għalfejn nibżgħu minn ħadd, m’għandna bżonn il-permess ta’ ħadd biex ngħixu dak li nemmnu. Dan ġieli jfisser tbatija, imma din ma għandhiex taqtgħalna qalbna. Alla jagħtina l-għajnuna biex nagħtu xhieda kuraġġuża tal-fidi tagħna kulfejn inkunu.
Dawl fid-dlam
Santa Luċija kienet dawl fid-dlam. Isimha stess ifisser ‘dawl’. U dan jidher fid-devozzjoni popolari ftit ta’ żmien wara mewtha, u wkoll fid-drawwiet sbieħ li żviluppaw maż-żmien. Santa Luċija għexet f’Sirakuża, u 50 sena qabilha kienet mietet martri Sant’Agata f’Katanja – it-tnejn fi Sqallija, fejn għadha ħajja din id-devozzjoni lejhom sa żmienna. Imma wkoll f’postijiet oħra fid-dinja, bħal fl-Iskandinavja u fl-Iżvezja, hemm din id-drawwa li fil-festa ta’ Santa Luċija numru ta’ żgħażagħ jgħaddu bix-xemgħat f’idejhom u persuna minnhom bix-xemgħat fuq rasha, f’atmosfera ta’ dlam – biex joħorġu dan l-aspett tad-dawl li jikser id-dlam.
Id-dawl hu rifless ta’ ħajjitha u x-xhieda li tat b’mewtha qalb il-ħażen kollu ta’ madwarha. Dan hu messaġġ importanti għalina biex ngħixu l-fidi tagħna u nkunu dawl fis-soċjetà madwarna. Ġesù kien qalilna li aħna rridu nkunu d-dawl għad-dinja.
Kultant nieqfu naħsbu: x’nista’ nagħmel jien waħdi f’dan l-ambjent li ngħix jew naħdem fih? Il-messaġġ ta’ Santa Luċija hu biex ma noqogħdux inħarsu lejn dak li jista’ jagħmel ħaddieħor jew li għandu jagħmel ħaddieħor. Nibdew aħna. Bl-għajnuna ta’ Alla, inkunu dawl, sinjal ta’ tama. F’ambjent ta’ dlam, xemgħa żgħira tista’ tagħmel id-differenza kollha.
Nitolbuha llum lil Santa Luċija biex tkun dejjem ta’ ispirazzjoni għal ħajjitna, u tidħol għalina, għal kull wieħed u waħda minnha, u għal din il-parroċċa ddedikata lilha. Il-messaġġ tagħha hu attwali ħafna llum. Nitolbuha tgħinna biex bħalha: norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’ għal dejjem, inkunu nies ta’ prinċipji sodi, u b’dan il-mod nistgħu nkunu dawl li jagħti t-tama fis-soċjetà ta’ żmienna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju