L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja.” Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum, u aħna lkoll nixtiequ nimxu warajh, u nkunu dixxipli tiegħu, u jkun hu li jmexxina. Dal-kliem jgħodd ħafna għalina.
Ma kienx ikun aħjar li kieku Ġesù qal: jekk xi ħadd irid jiġi warajja, jagħmel li jħoss, jimxi ma’ dak li jogħġbu, u jimxi warajja? Forsi għal mument kien jattira aktar nies, imma Ġesù ma jgħid xejn li bih ikun qed jidħaq bin-nies. Il-kliem tiegħu hu dejjem ċar. Dal-kliem li jgħid illum hu ċar ħafna għalina u għal ħajjitna.
X’ifisser li aħna ‘niċħdu’ lilna nfusna? Ifisser li bil-qawwa ta’ Alla stess, inkunu kapaċi ngħidu ‘le’ fejn hemm bżonn ngħidu ‘le’ lilna nfusna, biex ma nitmexxewx minn dak li nħossu u sempliċiment nagħmlu dak li jiġina f’rasna jew li nħossu fina. Dan hu importanti biex aħna stess ma nkunux vittmi u ma noħolqux vittmi. Biex insemmi eżempju tal-ħajja ta’ kuljum: Jekk int tħossok irrabjat jew irrabjata, li tiċħad lilek innifsek ifisser li tikkontrolla, li toqgħod attent biex ma titlifhiex, ma tibdiex tinsulta lil dak u lill-ieħor u tweġġa’ bi kliemek lil kulħadd. Din hi ċ-ċaħda; hi xi ħaġa mhux ta’ darba, imma xi ħaġa kontinwa li hemm bżonn li nagħmlu – dan ir-rażan biex nistgħu ngħixu tassew kif irid Alla.
Nindunaw kemm il-kliem ta’ Ġesù hu ta’ ġid għalina personali imma wkoll għas-soċjetà, għaliex jekk aħna nimxu verament ma’ dak li jgħid Ġesù – fejn hemm bżonn, niċħdu lilna nfusna u nagħmlu sagrifiċċju għal valur li hu importanti – hemmhekk inkunu qed nagħmlu ġid lis-soċjetà. Ħa nsemmi eżempju li aħna lkoll nifhmu. Bħalissa għaddejjin minn dan iż-żmien ta’ pandemija, li għadna fih. Jekk aħna nimxu, kif għandna nimxu bir-reqqa, mal-miżuri għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tagħna u tal-oħrajn, anke fejn hemm bżonn nagħmlu sagrifiċċju, nindunaw li dak huwa sagrifiċċju li qed jiswa ta’ ġid għas-soċjetà kollha. Jekk aħna niġu naqgħu u nqumu minn dawn il-miżuri, nagħmlu li nħossu, li jogħġobna, għax nixtiequ ngawdu, li jiġi f’moħħna nagħmlu – nindunaw li dak li nagħmlu mhux biss ta’ ħsara għalina imma ta’ ħsara għas-soċjetà kollha. Għalhekk il-kliem ta’ Ġesù hu kliem li jgħinna biex ikollna soċjetà aħjar: li aħna jkollna spirtu ta’ rażan, lesti li nagħmlu fejn hemm bżonn sagrifiċċju u niċċaħħdu, nagħmlu ċ-ċaħda tagħna nfusna għal valur li hu importanti bħalma hu, bħalissa u dejjem, il-valur tal-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tagħna u tal-oħrajn.
Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, li terfa’ s-salib ma jfissirx li tibqa’ hemmhekk tissawwat …
Ġesù jgħid ukoll li nerfgħu salibna. X’jiġifieri “terfa’ s-salib”? Jiġifieri tkun lest tbati għal dak li hu sewwa. Kultant aħna ngħidu: dik il-persuna hi s-salib li rrid nerfa’. Veru, kultant il-paċenzja li trid tieħu b’xi ħadd ikun is-salib li trid terfa’. Imma rridu nitolbu lill-Mulej jagħtina d-dawl biex nagħrfu x’jiġifieri terfa’ s-salib. Trid id-dawl tal-Mulej biex tagħraf x’għandek tagħmel. Ħa nsemmi eżempju. Jekk int vittma ta’ vjolenza domestika, li terfa’ s-salib ma jfissirx li tibqa’ hemmhekk tissawwat, vittma tal-abbuż. Li terfa’ s-salib ifisser li int tieħu l-passi neċessarji biex l-abbuż jispiċċa, biex int ma tibqax f’dik is-sitwazzjoni – dak ifisser li terfa’ s-salib.
Illum nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: jagħtina hu d-dawl u l-għajnuna biex nagħrfu niċħdu lilna nfusna fejn hemm bżonn, nagħmlu s-sagrifiċċji neċessarji, nerfgħu s-salib biex nistgħu nimxu warajh b’fedeltà sħiħa u b’imħabba kbira.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju