Kuljum, medja ta’ 13-il Nisrani madwar id-dinja jinqatlu minħabba l-fidi tagħhom, 12-il knisja jew bini Nisrani jkunu attakkati, 12-il Kristjan jkunu arrestati jew jinżammu l-ħabs inġustament, filwaqt li 5 oħra jinħatfu.
Dawn iċ-ċifri huma parti mill-istatistika li tinsab fir-rapport annwali tal-‘World Watch List’ li għadu kemm kien ippubblikat minn Open Doors, organizzazzjoni volontarja li tagħti rendikont tal-persekuzzjoni kontra l-Insara, tiggwida t-talb, filwaqt li turi lil dawk li huma ppersegwitati li mhumiex minsija.
Skont din l-istatistika llum, wieħed minn kull tmien Kristjani madwar id-dinja huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom, u dan jagħmel mill-Kristjani l-aktar reliġjon ippersigwata fid-dinja llum.
L-Insara huma dawk kollha li jemmnu fi Kristu; fost l-ikbar fosthom hemm il-komunitajiet Kattoliċi, Anglikani u Ortodossi.
Matul l-2020, l-10 pajjiżi fejn saret l-agħar persekuzzjoni huma; il-Korea ta’ Fuq, l-Afganistan, is-Somalja, il-Libja, il-Pakistan, l-Eritrea, il-Jemen, l-Iran, in-Niġerja, u l-Indja.
Għall-ewwel darba f’sitt snin, is-Sudan m’għadux mal-ewwel 10 wara li abolixxa l-piena tal-mewt għall-apostasija u bil-mod beda jiggarantixxi l-libertà tar-reliġjon taħt il-kostituzzjoni l-ġdida tiegħu wara tletin sena ta’ liġi Iżlamika. Madankollu, l-pajjiż xorta jibqa’ fit-13-il post f’din il-lista.
Fl-2020 kien hemm 260 miljun Kristjan aktar li kienu ippersegwitati
Riċerkaturi ta’ Open Doors innutaw li l-Musulmani li jsiru Nsara xorta għadhom jiffaċċjaw attakki u diskriminazzjoni mill-familji u l-komunitajiet tagħhom stess, filwaqt li n-nisa Kristjani jiffaċċjaw vjolenza sesswali.
L-Indja tibqa’ mal-ewwel 10 għat-tielet sena konsekuttiva minħabba li “qed tkompli tara żieda fil-vjolenza kontra minoranzi reliġjużi minħabba l-estremiżmu Ħindu sanzjonat mill-gvern”, jgħid ir-rapport ta’ Open Doors.
Ir-rapport jinnota wkoll li hemm 309 miljun Nisrani li jgħixu f’pajjiżi b’livelli “għoljin ħafna” jew “estremi” ta’ persekuzzjoni”. Dan ifisser li fl-2020 kien hemm 260 miljun Kristjan aktar li kienu ippersegwitati mis-sena 2019. Ir-rapport jgħid ukoll li 31 miljun oħra jistgħu jkunu miżjuda mill-24 pajjiż barra l-lista tal-agħar 50 pajjiż. Fost dawn hemm Kuba u Sri Lanka.
Il-COVID-19 qed iservi ta’ skuża għal aktar persekuzzjoni reliġjuża
Meta nedew dan ir-rapport, Open Doors qalu fuq nota kemmxejn pożittiva, li meta jaraw dawn iċ-ċifri, ħafna jistgħu jaħsbu li l-Kristjaneżmu fid-dinja qiegħed imut jew li l-Kristjani qed jitilfu l-fidi tagħhom. Fil-fatt, ir-realtà turi li qed iseħħ il-maqlub.
Minbarra l-fundamentaliżmu Iżlamiku fl-Afrika Sub-Saħarjana, ir-rapport jiddikjara li l-COVID-19 qiegħed iservi ta’ skuża għal aktar persekuzzjoni reliġjuża fosthom permezz ta’ diskriminazzjoni fl-għoti ta’ għajnuna, konverżjonijiet furzati, u bħala ġustifikazzjoni għal sorveljanza u ċensura dejjem akbar tal-Insara.
Fattur ieħor li qed iwassal għal tbatija akbar fost il-Kristjani huma l-attakki vjolenti minn estremisti fin-Niġerja, il-Kamerun, il-Burkina Faso, u l-Mali, fost oħrajn.
Sors: Newsbook.com.mt