L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-Kelma ta’ Alla llum hi impenjattiva ħafna. Ta’ min jinnota li din il-parabbola Ġesù jgħidha lil kategorija partikolari ta’ nies. Kellem lill-kbarat tal-qassisin u lill-Fariżej (ara Mt 21:45). Huma n-nies li kienu jafu l-liġi, in-nies li kellhom il-kult f’idejhom, il-poter reliġjuż f’idejhom.
Qed jinsisti magħhom li donnhom irċevew l-istedina għall-festa tat-tieġ, għall-festa ta’ mħabba u kulħadd kellu x’jagħmel, kulħadd qal ‘le’. “Jiddisjaċini, għandi x’nagħmel jien” (ara Mt 22:3). Kultant aħna wkoll nistiednu lil xi ħadd u ma jiġix u nibqgħu niftakruha din il-ħaġa: stedintu u ma ġiex. Aħna l-Maltin niftakru wkoll min ma stedinniex. Hi xi ħaġa li tant inħossuha din tal-istedin. Imma nistgħu nifhmu l-mentalità li biha qed jitkellem Ġesù. Kemm hu importanti l-istedin, kemm meta jsir u ma jiġix onorat, u kemm meta ma jsirx għax dak li jkun ma jistidnekx. ‘Mela le, ma nagħtihiex rigal, ma stidnitnix!’ L-istedin kemm hu importanti għalina. Allura meta bniedem jistiednek u inti ma tatix kas jew saħansitra min jistiednek f’ismu ssawtu jew iżżebilhu, allura inti hemmhekk verament qed tinsulta ’l min qed jistiednek.
Imma għas-sinjur mhux biżżejjed, imbagħad jistieden lil kulħadd għax donnu qed jgħidilhom, ‘isma’ intom għandkom x’tagħmlu, imma allura jien se nistieden lil kulħadd ħżiena u tajbin’. Ma joqgħodx jgħidlek: ‘inti tajjeb biex nistiednek?’ Le, jistieden lil kulħadd. Imma jippretendi li nilbsu l-libsa tat-tieġ. Tgħiduli: ‘Din x’inhi?’ Il-libsa tat-tieġ hi l-libsa tal-imħabba għax tieġ hu l-festa tal-imħabba. Jekk aċċettajt l-istedina tal-Mulej, trid tilbes il-libsa tal-imħabba għax inkella inti mort, imma ma mortx bil-qalb, m’intix ippreparat għall-festa tal-imħabba.
Nixteq ngħid kelma fuq l-ewwel qari. Hu wieħed mill-paġni li jiena jiddisturbani ħafna; qed nammetti li kull meta naqraw din il-paġna mill-ktieb tal-Imħallfin, nitħawwad. Għax inti għandek missier li għamel wegħda mal-Mulej: l-ewwel persuna li tiġi tilqgħu, joffriha sagrifiċċju tal-ħruq! (ara Imħ 11:31). U dan lanqas jargumenta mal-Mulej, għandu idea tal-Mulej li issa la wegħedtek, m’hemmx x’tagħmel.
Abraham fil-fatt li jidħol fi djalogu mal-Mulej, lill-Mulej jgħidlu: “Jiena rajt il-qalb tiegħek, m’għandix bżonnu lil ibnek” (ara Ġen 22:12). U allura din il-ħaġa hi paġna ftit stramba li għalkemm qed nitkellmu fuq l-istess Alla, ma jsir xejn biex jimpedixxi dan is-sagrifiċċju ta’ ħruq. Din it-tifla, għax huma terribbli l-kliem fi tmiem ix-xahrejn li għamlet tiġġerra fl-għoljiet – x’għamlet eżatt ma nafx jien – għaliex kellha bżonn xahrejn biex tibki xbubitha, “reġgħet lura għand missierha u dan għamel minnha li kien wiegħed” (Imħ 11:39).
Jekk aċċettajt l-istedina tal-Mulej, trid tilbes il-libsa tal-imħabba għax inkella inti mort, imma ma mortx bil-qalb, m’intix ippreparat għall-festa tal-imħabba.
Imma dawn wegħdiet li jħawduni: li inti twiegħed li taħraq lil bintek biex toffri sagrifiċċju lil Alla. Dawn kienu sagrifiċċji li Alla pprojbixxa, ma ridtx u allura hawnhekk nindunaw li l-mentalità ta’ Iżrael għadha ma ġietx ippurifikata, għadhom jittrattaw lil Alla bħalma l-popli Kananin kienu jittrattaw ’l allat tagħhom. Veru Alla tagħma hu Alla ħaj u Alla veru, imma m’għandux bżonn is-sagrifiċċju ta’ wliedna, li taħraq lil xi ħadd minn uliedek b’sagrifiċċju lil Alla.
Biss hemm kelma tremenda li ddaħħalni ġo qoxorti, meta jgħid: “Tajt kelma lill-Mulej u ma nistax nerġa’ lura minnha” (Imħ 11:35). Kemm-il darba niksruha din il-ħaġa, nagħtu kelma lill-Mulej u nerġgħu lura minnha. F’dan is-sens din il-paġna iebsa tal-ktieb tal-Imħallfin tagħtina x’naħsbu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Imħ 11, 29-39a
Salm: 39 (40), 5.7-8a.8b-9.10
Evanġelju: Mt 22, 1-14