Katekeżi fuq l-Ittra lill-Galatin – 8. Aħna wlied Alla
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-mixja tagħna ta’ approfondiment tal-fidi – tal-fidi tagħna – fid-dawl tal-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin. L-Appostlu jisħaq ma’ dawk l-Insara biex ma jinsewx il-karattru ġdid tar-rivelazzjoni ta’ Alla li tħabbret lilhom. Fi qbil sħiħ mal-evanġelista Ġwanni (ara 1 Ġw 3:1-2), Pawlu jisħaq li l-fidi f’Ġesù Kristu tatna li nsiru tassew ulied Alla u anki werrieta tiegħu. Aħna l-Insara spiss neħduha bħala ħaġa ovvja din ir-realtà li aħna wlied Alla. Meta fil-fatt tajjeb li dejjem niftakru bi gratitudni fil-mument li fih sirna hekk, dak tal-magħmudija tagħna, biex ngħixu b’għarfien akbar id-don kbir li rċivejna.
Li kelli nistaqsikom illum: min minnkom jaf id-data tal-magħmudija tiegħu?, naħseb li ma tantx ikun hemm min jgħolli jdejh. Meta fil-verità din hija d-data meta aħna ġejna mifdija, hija d-data li fiha sirna wlied Alla. Issa, dawk li ma jafuhiex ħa jmorru jistaqsu lill-parrinu, lill-parrina, lil missierhom, lil ommhom, liz-zija, liz-zija: “Meta ġejt mgħammed jien? Meta ġejt mgħammda?”; u niftakru ta’ kuljum f’dik id-data: hija d-data li fiha aħna sirna wlied Alla. Ftehimna? Se tagħmluh dan? [iwieġbu: iva!] Imma din “iva” hekk, eħ? [jidħku] Ħa nimxu biċċa oħra…
Fil-fatt, issa li “l-fidi ġiet” f’Ġesù Kristu (3:25), għandna kundizzjoni għalkollox ġdida li tagħmilna wlied Alla. Din il-qagħda ta’ wlied li dwarha jitkellem Pawlu m’għadhiex iżjed dik ġenerali li fiha hemm il-bnedmin kollha bħala wlied il-Ħallieq waħdieni. Fis-silta li smajna hu jistqarr li l-fidi tagħmilna wlied Alla “fi Kristu” (v. 26): dan hu l-ġdid. Hu dan il-“fi Kristu” li jagħmel id-differenza kollha. M’aħniex biss ulied Alla, bħal kulħadd: il-bnedmin kollha huma wlied Alla, kollha, hi x’inhi r-reliġjon tagħhom. Le. Imma “fi Kristu” hu dak li jagħmel id-differenza fl-Insara, u dan iseħħ biss bis-sehem fil-fidwa ta’ Kristu u fina fis-sagrament tal-magħmudija, hekk jibda. Ġesù sar ħuna, u bil-mewt u l-qawmien tiegħu ħabbibna lura mal-Missier. Kristu hu li jilqagħna fil-fidi, bil-magħmudija niġu “mlibbsa” bih u bid-dinjità ta’ wlied (ara v. 27)
San Pawlu fl-Ittri tiegħu jirreferi iżjed minn darba għall-magħmudija. Għalih, li nkunu mgħammda jfisser li għandna sehem effettiv u reali fil-misteru ta’ Ġesù. Ngħidu aħna, fl-Ittra lir-Rumani jasal saħansitra biex jgħid li, fil-magħmudija, aħna mitna ma’ Kristu u ġejna midfuna miegħu biex nistgħu ngħixu miegħu (ara 6:3-14). Mitna ma’ Kristu, indfinna ma’ Kristu biex nistgħu ngħixu miegħu. U din hija l-grazzja tal-magħmudija: il-parteċipazzjoni tagħna fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Għalhekk il-magħmudija mhijiex sempliċi rit esterjuri. Dawk li jirċevuha jiġu mibdula mill-qiegħ, fl-iktar ġewwieni tagħhom, u jiksbu ħajja ġdida, sewwasew dik li biha jistgħu jduru lejn Alla u jsejħulu bl-isem ta’ “Abbà”, jiġifieri “pa”. “Missier?” Le, “pa” (ara Gal 4:6).
L-Appostlu jistqarr b’kuraġġ kbir li dik li rċivejna bil-magħmudija hija identità kollha kemm hi ġdida, waħda li tirbaħ fuq id-differenzi li jeżistu fuq il-livell etniku-reliġjuż. Jiġifieri, u jfissirha hekk: “ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg”; u anki fuq dak soċjali: “ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara” (Gal 3:28). Spiss naqraw wisq bl-għaġla dawn l-espressjonijiet, mingħajr nifhmu l-valur rivoluzzjonarju li fihom. Għal Pawlu, meta lill-Galatin jiktbilhom li fi Kristu “ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg” din hi taqliba ta’ taħt fuq fil-qasam etniku-reliġjuż. Il-Lhudi, peress li kien ġej mill-poplu l-magħżul, kien ipprivileġġjat meta mqabbel mal-pagan (ara Rum 2:17-20), u Pawlu stess jistqarru dan (ara Rum 9:4-5). Għalhekk ma nistagħġbux li dan it-tagħlim ġdid tal-Appostlu seta’ jdoqq bħala eretiku. “Imma kif inhi din, kulħadd indaqs? Aħna differenti!”. Tinstema’ xi ftit eretika, le? Anki t-tieni ugwaljanza, bejn “ħielsa” u “lsiera”, tiftaħ perspettivi tal-għaġeb. Għas-soċjetà antika kienet vitali d-distinzjoni bejn ilsiera u ċittadini ħielsa. Dawn bil-liġi kienu jgawdu mid-drittijiet kollha, waqt li l-ilsiera lanqas id-dinjità umana tagħhom ma kienet rikonoxxuta. Dan qed iseħħ illum ukoll: tant nies fid-dinja, ħafna, miljuni, li m’għandhomx dritt jieklu, m’għandhomx dritt għall-edukazzjoni, m’għandhomx dritt għax-xogħol: huma l-ilsiera l-ġodda, huma dawk li jinsabu fil-periferiji, li huma sfruttati minn kulħadd. Anki llum għandna lsiera. Ejjew naħsbu ftit f’dan. Aħna lil dawn il-persuni qed niċħdulhom id-dinjità umana, allura huma lsiera. Hekk fl-aħħar, l-ugwaljanza fi Kristu tegħleb id-differenza soċjali bejn iż-żewġ sessi, u ġġib ugwaljanza bejn raġel u mara li dak iż-żmien kienet rivoluzzjonarja u li hemm bżonn nerġgħu nagħfsu fuqha llum. Hemm bżonn nerġgħu nagħfsu fuqha llum ukoll. Kemm drabi aħna nisimgħu espressjonijiet ta’ stmerrija għan-nisa! Kemm drabi smajna: “U le, ħalliha, [dawk] affarijiet tan-nisa”. Ftakar li raġel u mara għandhom l-istess dinjità, u hemm fl-istorja, anki llum, jasar tan-nisa: in-nisa m’għandhomx l-istess opportunitajiet tal-irġiel. Hemm bżonn naqraw dak li jgħid Pawlu: aħna ndaqs fi Kristu Ġesù.
Kif nistgħu naraw, Pawlu jistqarr l-għaqda qawwija li hemm bejn l-imgħammdin kollha, f’kull qagħda li jinsabu fiha, sew jekk irġiel u sew jekk nisa, indaqs, għax kull wieħed u waħda minnhom, fi Kristu, hu ħolqien ġdid. Kull distinzjoni ssir sekondarja ħdejn id-dinjità ta’ wlied Alla, li bi mħabbtu jġib ugwaljanza vera u sostanzjali. Ilkoll kemm aħna, bil-fidwa ta’ Kristu u l-magħmudija li rċivejna, aħna ndaqs: ulied Alla. Indaqs.
Ħuti, mela aħna msejħin b’mod iżjed pożittiv biex ngħixu ħajja ġdida li fil-qagħda ta’ wlied Alla ssib l-espressjoni li fuqha hi mibnija. Indaqs għax ulied Alla, u wlied Alla għax fdiena Ġesù Kristu u dħalna f’din id-dinjità permezz tal-magħmudija. Huwa deċiżiv ukoll għalina lkoll illum li nerġgħu niskopru l-ġmiel li aħna wlied Alla, li aħna aħwa ta’ xulxin għax aħna ħaġa waħda fi Kristu li fdiena. Id-differenzi u t-tilwim li jġibu firda ma għandhomx jgħammru fost min jemmen fi Kristu. U wieħed mill-Appostli, fl-Ittra ta’ Ġakbu, jgħid hekk: “Attenti għad-differenzi, għax intom ma tkunux ġusti meta fil-ġemgħa tagħkom (jiġifieri fil-quddiesa) jidħol wieħed b’ċurkett tad-deheb, liebes fin: ‘Aħ, idħol, għaddi ’l quddiem!’, u u tpoġġuh fl-ewwel post. Imbagħad, jekk jidħol ieħor li, miskin, bilkemm għandu biex jitgħatta, u jidher li hu fqir, fqir, fqir: ‘Iva, iva, oqgħod hemm, fl-aħħar post’”. Dawn id-differenzi aħna nagħmluhom, ħafna drabi, bla ma nindunaw. Le, aħna ndaqs. Il-vokazzjoni tagħna pjuttost hija dik li nagħmlu konkreta u evidenti s-sejħa għall-għaqda tal-bnedmin kollha (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Lumen gentium, 1). Dak kollu li jkabbar id-differenzi bejn il-persuni, u spiss jikkawża diskriminazzjonijiet, dan kollu, quddiem Alla, ma jibqagħlux siwi, grazzi għas-salvazzjoni li ġabilna Kristu. Dak li jiswa hu l-fidi li taħdem billi timxi lejn l-għaqda li jurina l-Ispirtu s-Santu. U r-responsabbiltà tagħna hi dik li nimxu b’mod determinat f’din it-triq tal-ugwaljanza, imma l-ugwaljanza li hi mwieżna, li ġabitilna l-fidwa ta’ Ġesù.
Grazzi. U tinsewx, meta tmorru lura d-dar: “Meta ġejt mgħammda jien? Meta ġejt mgħammed?”. Staqsu, biex iżżommu dejjem f’moħħkom dik id-data. U anki tiffesteġġjawha meta tasal. Grazzi.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard