Għeżież ħuti,
Il-kelma Ewkaristija tfisser “azzjoni ta’ grazzja” u fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, li qed tagħlaq il-Kungress Ewkaristiku u ż-żjara tiegħi f’Budapest, irrid ngħid grazzi minn qalbi. Grazzi lill-familja nisranija kbira Ungeriża li nixtieq inħaddanha bir-riti tagħha, bl-istorja tagħha f’ħutna kattoliċi u ta’ Konfessjonijiet oħra, ilkoll f’mixja lejn l-għaqda sħiħa. F’das-sens irrid insellem minn qalbi lill-Patrijarka Bartilmew, Ħija, li onorana bil-preżenza tiegħu. Grazzi partikolarment li maħbubin ħuti isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati rġiel u nisa, u lilkom ilkoll, għeżież fidili! Ringrazzjament kbir lil kull min ħawtel biex iseħħ dal-Kungress Ewkaristiku u għal dil-ġurnata.
Jien u nġedded il-gratitudni tiegħi lill-awotritajiet ċivili u reliġjużi li laqgħuni, nixtieq ngħid köszönöm (grazzi): grazzi lilek, poplu tal-Ungerija. L-Innu li ndaqq matul il-Kungress idur lejk b’dal-kliem: “Għal elf sena s-salib kien il-kolonna tas-salvazzjoni tiegħek, issa wkoll is-sinjal ta’ Kristu jalla jkun il-wegħda ta’ ġejjieni aħjar”. Dan nawguralkom, illi s-salib ikun għalikom pont bejn l-imgħoddi u l-ġejjieni! Is-sentiment reliġjuż hu l-ilma tal-ħajja ta’ dan in-nazzjon, tant marbut ma’ għeruqu. Imma s-salib, imħawwel fl-art, minbarra li jistedinna biex inkunu mħawlin kif jixraq, jintrefa’ u jiftaħ dirgħajh għal kulħadd: iħeġġeġ biex inżommu l-għeruq ħajjin, mingħajr ebusija; biex nixorbu mill-għejun u ninfetħu għal kulmin fi żmienna hu mejjet bil-għatx. L-awgurju tiegħi hu li tkunu hekk: li tibnu u tkunu miftuħin, imħawlin tajjeb u rispettużi. Isten éltessen! [Awguri!] Is-“Salib tal-missjoni hu s-simbolu ta’ dal-Kungress: jalla jwassalkom biex b’ħajjitkom tħabbru l-Evanġelju li jeħles bit-tenerezza bla qies li Alla għandu għal kull wieħed u waħda. Fil-karestija tal-imħabba li għandna llum, dan hu l-ikel li qed jistenna l-bniedem.
Illum, mhux bogħod minn hawn, f’Varsavja, qed ikunu dikjarati beati żewġ xhieda tal-Evanġelju: il-Kardinal Stefan Wyszyński u Elisabetta Czacka, fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani Qaddejja tas-Salib. Żewġ figuri li saru jafu s-salib mill-qrib: il-Primat tal-Polonja, arrestat u segregat, dejjem baqa’ ragħaj kuraġġuz skont il-qalb ta’ Kristu, ħabbâr tal-libertà u tad-dinjità tal-bniedem; Swor Elisabetta, li tilfet ħajjitha qasir il-għomor, iddedikat ħajjitha kollha biex tgħin lill-għomja. L-eżempju tal-Beati l-ġodda għandu jkun xprun għalina biex id-dlam indawruh f’dawl bil-qawwa tal-imħabba.
Fl-aħħar nirreċitaw l-Angelus, fil-jum li fih qed inqimu l-Isem l-Aktar Qaddis ta’ Marija. Fl-antik, bħala rispett, intom l-ungeriżi ma kontux issemmu isem Marija imma kontu ssejħulha bl-istess titlu ta’ unur li bih tagħrfu lir-reġina. Il-“Beata Reġina, patruna antika tagħkom” takkumpanjakom u tberikkom! Il-barka tiegħi, minn dil-belt kbira, trid tilħaq lil kulħadd, partikolarment lit-tfal u liż-żgħażagħ, lill-anzjani u lill-morda, lill-foqra u l-imwarbin. Magħkom u għalikom ngħid: Isten, áldd meg a magyart! [Alla jbierek lill-ungeriżi!]
Sors: Laikos