L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għat-tieni darba Ġesù jkellem lid-dixxipli tiegħu dwar il-persekuzzjoni li kellu jgħaddi minnha u juża kliem li jħawwadhom lid-dixxipli: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt” (Mk 9:31). Din il-ħaġa tħassibhom, ma fehmux dan il-kliem. Għaliex Profeta li kien qed jgħaddi mil-Lhudija għall-Galililija jgħallem, ifejjaq, ikeċċi x-xjaten, jitkellem dwar il-maħfra, dwar it-tjubija, il-ħlewwa u l-ħniena – kellu jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh? Xi tfisser li wara tlett ijiem iqum mill-mewt? “Ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh” (Mk 9:32).

Min jaf kemm il-darba anke aħna nibżgħu nitkellmu ma’ Alla fuq xi ħaġa li qiegħda tħawwadna; għax aħna, ejjew nammettu, inkunu nixtiequ ħajja komda mingħajr inkwiet, mingħajr taħbit, mingħajr tbatija. Ġesù donnu ma jridniex nistħu u niddejqu minn dak kollu li għabbiena fil-ħajja. Anzi hu stess lid-dixxipli tiegħu javżahom għal darba, darbtejn, tlieta. Din is-silta għandna hi t-tieni darba li jinsisti magħhom fuq ir-realtà kiefra ta’ min ma japprezzax dak li qed jgħid l-Imgħallem, imma jixtieq proprju jneħħih.

Il-Kelma ta’ Alla hi esperta fl-umanità

Għalhekk fl-ewwel qari li smajna mill-Ktieb tal-Għerf, għandna proprju din is-silta ta’ nies kattivi li ma jistgħux jissapportu jaraw it-tajjeb. B’reazzjoni ta’ rabja li tiġi fil-qalb tagħhom, jgħidu: “Ejjew inġarrbuh lit-tajjeb, bit-tagħjir u l-moħqrija, biex naraw xi tjubija għandu u nkejlu sa fejn jasal sabru” (Għerf 2:19). Il-Kelma ta’ Alla hi esperta fl-umanità. Biżżejjed inħarsu madwarna biex nirrealizzaw li l-kelma mill-Ktieb tal-Għerf, li ismu miegħu, hi veru kelma ta’ għerf. Għax sfortunatament, fid-dinja niltaqgħu ma’ nies li m’għandhomx kwiet. Donnhom il-qalb tagħhom tistrieħ biss meta jagħmlu l-ħsara. Imma veru qegħdin fil-paċi dawn? Ma naħsibx jien. Għalhekk fit-tieni qari, nsibu dik il-kelma ta’ San Ġakbu: “Fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen” (Ġak 3:16). “Imma l-għerf” – it-tieni darba li qed nisimgħu l-kelma ‘għerf’ fil-qari tal-lum – “li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; hu kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja” (Ġak 3:17-18).  

Aħna qegħdin nagħmlu hekk dak li qed jgħid l-Appostlu Ġakbu? Jew il-qalb tagħna hi mtaqqla bir-regħba, bil-passjonijiet tad-dinja, forsi bl-għira għal xi ħadd, u bil-kattiverja. Kultant biżżejjed isegwi l-media soċjali, biex tirrealizza kemm nafu nkunu kattivi ma’ xulxin, kemm nafu nkunu ħarxa ma’ xulxin.

Ġesù jaf li se jgħaddi minnha din il-ħaġa. Ngħaddu minnha aħna, għadda minnha hu. Imma dixxipli jibżgħu jistaqsuh. Ħafna drabi nibżgħu mill-kelma ‘kriżi’. ‘Kriżi’ hi dik li tgħaddik mill-għarbiel; li b’xi mod il-kumditajiet tiegħek jisparrixxu. Nistgħu ngħidu li l-pandemija bħalma jħobb jinsisti l-Papa Franġisku hi waħda minn dawk il-kriżijiet. Issa ġibnieha b’idejna, ma ġibnihiex b’idejna. Ma nafux, imma qed tolqotna. Kif jgħid il-Papa mhux se tħallina l-istess; se noħorġu agħar milli konna jew aħjar. Il-qalb tagħna fejn qiegħda? Tgħallimna napprezzaw x’inhu l-iżjed għażiż għalina? Kemm hemm nies li xtaqna ngħidulhom kelma ta’ mħabba, tħaddina u ma stajniex. Napprezzaw kemm huma għeżież dawn il-mumenti, biex meta mbagħad nkunu nistgħu ngawduhom, proprju ngawduhom tassew, mhux fuq il-karta; imma fir-realtà.

Il-missier u l-omm, hawn qaddejja iktar minnhom? Hawn xi ħadd li jaf jieħu paċenzja iżjed mill-missier u mill-omm?

Ġesù jinsisti, min irid ikun il-mexxej irid ikun il-qaddej. Dak iż-żmien din kienet stramba, imma forsi anke llum. Għax meta nħarsu lejn il-mexxej, naħsbuh xi ħadd li joqgħod wara skrivanija, jew fuq pultruna u jikkmanda. Il-mexxej hu dak li bħal Ġesù fl-Aħħar Ċena jinżel u jaħsel ir-riġlejn. Tgħidli kif? Biżżejjed tkun disponibbli għal dak li jkun. Din il-ħaġa naraha fil-ħajja tal-familja: il-missier u l-omm, hawn qaddejja iktar minnhom? Hawn xi ħadd li jaf jieħu paċenzja iżjed mill-missier u mill-omm? Li għal uliedhom jagħmlu kollox; jissaportu kollox; jinsew kollox, b’mod speċjali xi kelma naqra iebsa. L-omm tinsieha mill-ewwel. Il-missier kultant irid naqra iżjed ċans. Imma meta jiġu għas-si u no, jgħidu: ‘dak ibni, dik binti’.

Meta nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù, m’hemmx għalfejn naħsbu fil-qaddisin, bħal San Ġorġ u San Bastjan, hawnhekk f’Ħal Qormi, postijiet oħra għandna l-qaddisin l-eroj kbar tagħna.

Ejjew inħarsu dak li l-Papa jsejjaħ il-qdusija tal-ġirien tagħna, biex ma ngħidux ukoll tan-nanniet tagħna, tal-qraba tagħna; li taw ħajjithom. Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn il-qaddisin, li m’għandhomx dijadema u mhux se nagħmlu statwi tagħhom, imma quddiem Alla għandhom mill-glorja ta’ min f’ħajtu l-għerf tiegħu kien ta’ ħlewwa, ta’ ġustizzja, ta’ sabar, ta’ rażan, ta’ qadi.

Forsi Ġesù hu jaqbad dan it-tifel ċkejken u jgħid: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili” (Mk 9:36). Qed jgħidilna tkasbrux lil min taħsbu li hu żgħir, ċkejken; mhux biss fl-età, anke fis-soċjetà. Għax min jilqa’ lill-persuna li forsi f’għajnejn in-nies hi ċkejkna, ikun qed jilqa’ lil Ġesù. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 2, 12.17-20
Salm: 53 (54), 3-4.5.6.8
Qari II: Ġak 3, 16 – 4, 3
Evanġelju: Mk 9, 30-37

More Photos >>