Ix-xogħol ta’ restawr f’Dar Regina Pacis f’Ħal Balzan se jitlesta fil-ġimagħat li ġejjin u se tkun tista’ toffri l-ewwel servizz ta’ social housing mhux governattiv f’Malta. Id-Dar se tilqa’ familji u individwi li għal xi raġuni jew oħra m’għandhomx ċans jgħixu b’mod indipendenti għal rashom. Minbarra li jkollhom saqaf fuq rashom dawn il-persuni ser jingħataw l-għajnuna biex jiksbu l-ħiliet u s-sapport biex ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità, wara li jispiċċaw il-program tagħhom fid-dar. Il-propjetà la titlesta se tinqasam f’żewġ residenti privati. Kull residenza se tkun tista’ takkomoda erba’ persuni.
Ix-xogħol fuq id-dar inbeda sentejn ilu bi spiża ta’ €80,000 li l-Azzjoni Kattolika kopriethom permezz ta’ fondi governattivi kif ukoll donazzjonijiet privati. Il-pass li jmiss hu li tkopri €15,000 biex tkun tista’ tlesti l-finishes tal-post.
Għal iktar informazzjoni dwar il-proġett jew biex tgħin fih permezz ta’ donazzjoni ta’ flus jew servizzi tista’ tibgħat fuq [email protected] jew 79692353. Jista’ wkoll jintbagħat ċekk lil Azzjoni Kattolika Maltija, l-Istitut Kattoliku, il-Furjana jew billi jingħaddew il-flus direttament fuq il-kont BOV: MT27VALL22013000000040023865211.
Il-proġett hu parzjalment iffinanzjat mill-Voluntary Organisations Project Scheme, li hu amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.