L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna żar ix‑xogħlijiet fl‑Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera, li l‑Knisja għaddiet lil Hospice Malta biex jitwaqqaf St Michael Hospice – l‑ewwel kumpless f’Malta li se jipprovdi kura paljattiva komprensiva. Ix‑xogħol strutturali fuq din l‑art tal‑Knisja mifruxa fuq medda ta’ 11,600 metru kwadru tlestew fl‑aħħar jiem biex issa l‑proġett se jgħaddi għall‑fażi li jmiss. Għalhekk issa se jibda x‑xogħol tad‑dawl, il‑pavimentar u l‑kisi, l‑installazzjoni tal‑lifts u tat‑tagħmir kollu meħtieġ sabiex St Michael Hospice jkun ċentru tal‑aqwa livell fil‑kura paljattiva.

L‑Arċisqof Charles Scicluna esprima s‑sodisfazzjon tiegħu li x‑xogħlijiet biex jitlesta l‑proġett mexjin sew minkejja l‑isfidi li ġabet magħha l‑pandemija. L‑Arċisqof qal li l‑valur ta’ dan il‑proġett mhijiex biss l‑art u l‑proprjetà tal‑Knisja, iżda li dan il‑kumpless ser itejjeb il‑kwalità tal‑ħajja u jkompli jagħti dinjità lill‑pazjenti. L‑Arċisqof Scicluna sejjaħ lil St Michael Hospice statement qawwi favur il‑ħajja.

Mons. Arċisqof iddawwar mal‑kumpless miċ‑Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici Kind, mis‑CEO ta’ Hospice Kenneth Delia, mill‑perit Claude Borg, il‑project coordinator Lora Cascun, u l‑project manager Jeandre Mallia.

Il‑kumpless St Michael Hospice, li ser jitmexxa minn Hospice Malta, għandu jitlesta f’Diċembru tas‑sena d‑dieħla. Is‑sular t’isfel ser ikun iddedikat għas‑servizzi lill‑pazjent, li jinkludi 16‑il kamra individwali li lkoll jagħtu għall‑ġonna biex il‑pazjent ikun jista’ jinħareġ mill‑kamra faċilment. Il-ġnien hu meqjus bħala spazju importanti kemm għall-pazjent kif ukoll għall-viżitaturi, li joffri wkoll ambjent ta’ arja nadifa f’Santa Venera.

Servizzi oħra li ser joffri St Michael Hospice jinkludu day therapy u outpatients unit, kif ukoll il‑faċilità ta’ self ta’ tagħmir li jeħtieġ il‑pazjent fil‑komunità. Fis‑sular ta’ fuq ser ikun hemm kmamar għall‑counselling u oħrajn għat‑taħriġ, u uffiċini għall‑impjegati.

Filwaqt li l‑Arċidjoċesi ffaċilitat din il‑ħolma tal‑Knisja u ta’ Hospice Malta bl‑għoti tal‑art b’valur ta’ €8 miljuni, huwa stmat li l‑proġett ta’ St Michael Hospice ser jiġi jiswa €12.5 miljun. Għalhekk, Hospice Malta qed tappella għall‑ġenerozità tal‑poplu Malti u Għawdxi sabiex jgħin f’dan il‑proġett li jagħti dinjità lill‑pazjent u joffri sapport lil qrabathom. Min jixtieq jagħti donazzjoni u jikseb aktar informazzjoni jista’ jżur hospicemalta.org.