Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tilqa’ l‑Baġit 2022, u tagħraf iż‑żminijiet ta’ sfida li pajjiżna u d‑dinja għaddew u se jkomplu jgħaddu minnhom fil‑futur qarib. Il‑Kummissjoni qed toffri l‑fehma tagħha fid‑dawl tal‑inizjattiva “Beyond GDP” li tnediet is‑sena li għaddiet bil‑għan li tippromwovi l‑ħtieġa li pajjiżna jfassal mill‑ġdid il‑mudell ekonomiku tiegħu lejn viżjoni aktar olistika u sostenibbli.
Bilanċ bejn il‑ħajja u x‑xogħol
Diversi inizjattivi mressqa fil‑baġit jippremjaw lil dawk li jixtiequ jaħdmu aktar. Il‑Kummissjoni hi mħassba ħafna dwar l‑effett li dan se jkollu fuq l‑individwi u l‑familji, u kif dawn l‑inizjattivi se jkollhom impatt fuq il‑bilanċ bejn il‑ħajja u x‑xogħol tal‑ħaddiema.
Ġustizzja fiskali
Il‑Kummissjoni tilqa’ l‑enfasi li saret u li hija tant meħtieġa sabiex tiġi mħarsa u mħeġġa l‑moralità fiskali ta’ pajjiżna. Il‑ġustizzja titlob li kulħadd iħallas it‑taxxi dovuti. Dan ma jinkludix biss lill‑pubbliku ġenerali iżda wkoll il‑partiti politiċi u n‑negozji l‑kbar. L‑awtoritajiet għandhom jiżguraw ukoll li kull ewro li li jitħallas f’taxxi mill‑poplu jissarraf f’benefiċċji ġusti. Għal dan il‑għan, hemm bżonn urġenti li tiżdied it‑trasparenza u r‑responsabbiltà fl‑użu tal‑fondi pubbliċi.
Trasport pubbliku ħieles
Il‑Kummissjoni tilqa’ l‑miżura tat‑trasport pubbliku b’xejn. Din għandha tħeġġeġ aktar nies biex jaqilbu minn vetturi privati għal trasport pubbliku. Madanakollu, il‑Kummissjoni tinnota li din l‑inizjattiva se tkun imfixkla ħafna jekk ma tkunx akkumpanjata minn miżuri oħra li jiżguraw li s-servizz ikun konsistenti u ta’ ma’ min joqgħod fuqu, filwaqt li jiżdiedu l-puntwalità u n‑numru ta’ passiġġieri li jesgħu l‑karozzi tal‑linja.
Ġustizzja soċjali
Il‑Kummissjoni tinnota b’sodisfazzjon li fil‑baġit hemm għadd ta’ inizjattivi dwar id‑dħul baxx ta’ persuni vulnerabbli, speċjalment il‑pensjonanti. Fosthom tħabbar ukoll mekkaniżmu ġdid biex jgħin lil dawk bi dħul baxx u li qed jiġu affettwati b’mod ħażin miż‑żieda fil‑prezzijiet tal‑affarijiet bażiċi bħalma hu l‑ikel. Il‑Kummissjoni tittama li din il‑miżura tindirizza b’mod adegwat il‑problema ta’ dħul minimu diċenti li ilha teżisti bosta snin.
Dwar il‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il‑Kummissjoni tilqa’ l‑aħbar tat‑twaqqif ta’ ċentru ta’ rijabilitazzjoni. Madankollu, dan għandu jkun akkumpanjat minn riformi radikali li jagħtu prijorità lid‑dinjità tal‑priġunieri, il‑familji tagħhom u l‑vittmi.
F’dak li għandu x’jaqsam mal‑immigrazzjoni, il‑Kummissjoni tesprimi d‑diżappunt tagħha li għal darb’oħra dawk li qed ifittxu l‑ażil qed jiġu kkunsidrati bħala piż. Il‑baġit isostni li Malta rnexxielha tnaqqas in‑numru ta’ wasliet ta’ migranti ġodda permezz ta’ ftehim li sar mal‑Libja. Minħabba l‑abbużi mwettqa kontra dawk li jfittxu l‑ażil fil‑Libja, li huma wkoll dokumentati, ftehimiet bħal dawn għandhom jiġu sospiżi immedjatament u riveduti. Dwar l‑għeluq taċ‑Ċentru Miftuħ tal‑Marsa, sfortunatament fil‑baġit la ngħataw dettalji dwar fejn se jibdew jgħixu r‑residenti li bħalissa qegħdin fil‑Marsa u lanqas dwar it‑twaqqif ta’ faċilitajiet alternattivi adegwati biex jilqgħu lil dawk li qed ifittxu l‑ażil.
Ambjent naturali
Il‑baġit fih għadd ta’ inizjattivi pożittivi fejn tidħol is‑sostenibbiltà ambjentali. Madankollu, it‑tranżizzjoni għal futur tassew sostenibbli tinvolvi deċiżjonijiet iebsa li għad iridu jittieħdu. Pereżempju, filwaqt li ġie mwiegħed investiment fl‑infrastruttura biex karozzi bl‑elettriku jkunu jistgħu jiġu ċċarġjati, ma tħabbret l‑ebda data ta’ skadenza li tipprojbixxi l‑importazzjoni ta’ karozzi li jniġġsu u li jaħdmu bil‑petrol u diesel. Ta’ min isemmi wkoll li l‑bosk imwiegħed fl‑Inwadar f’Wied il‑Għajn qatt ma jista’ jpatti għat‑telf u l‑qerda li jġib miegħu l‑proġett propost tal‑jott marina fl‑istess lokalità.
Baġit tajjeb?
Fil‑fehma tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il‑baġit huwa ‘tajjeb’ jekk jirnexxielu jagħti livell ta’ għajxien diċenti lil kulħadd, filwaqt li naqbżux il-limiti ambjentali tagħna. Il‑baġit m’għandux ikun primarjament dwar in‑numru ta’ benefiċċji ekonomiċi mqassma, li għalkemm huma importanti, mhux neċessarjament iwasslu għal titjib tal‑kwalità ġenerali tal‑ħajja. Filwaqt li l‑Baġit 2022 jippreżenta numru ta’ inizjattivi pożittivi f’din id‑direzzjoni, il‑Kummissjoni tistenna bil‑ħerqa l‑implimentazzjoni effettiva tal‑miżuri mħabbra bit‑tama li l‑ġid komuni hu fil‑qalba tal‑istrateġija ekonomika tas‑soċjetà tagħna u li dan jissupera gwadanni personali immedjat.