Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mk 10, 35-45) jirrakkonta li żewġ dixxipli, Ġakbu u Ġwanni, jitolbu li Ġesù biex ġurnata waħda jkunu bilqiegħda maġenbu fil-glorja, qieshom xi “prim  ministri”, jew xi ħaġa hekk.  Iżda d-dixxipli l-oħra jisimgħuhom u jieħdu għalihom.  F’dal-punt, bil-paċenzja, Ġesù joffrilhom tagħlima kbira: il-veru glorja ma tinkisibx billi nogħlew fuq l-oħrajn imma billi ngħixu l-istess magħmudija li kellu jirċievi Hu, ftit taż-żmien wara, f’Ġerusalemm, jiġifieri s-salib.  Xi jfisser dan?  Il-kelma ‘magħmudija” tfisser “immersjoni”: bil-Pasjoni tiegħu Ġesù niżel fl-imwiet billi offra ħajtu biex isalvana.  Il-glorja tiegħu, il-glorja t’Alla għalhekk, hi mħabba li ssir qadi, mhux setgħa mxennqa biex tiddomina.  Mhux setgħa bix-xenqa li tiddomina, le!  Hija mħabba li ssir qadi.  Għalhekk Ġesù jtemm jgħid lil tiegħu, u lilna wkoll: “Min irid ikun il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (Mk 10, 43).  Biex tikbru għandkom timxu t-triq tal-qadi, isservu lill-oħrajn.

Għandna quddiemna żewġ loġiki differenti.  Id-dixxipli jridu jogħlew u Ġesù jrid jitbaxxa, jogħdos.  Nieqfu ftit dwar dawniż-żewġ verbi.  L-ewwel wieħed hu l-istatus, il-pożizzjoni.  Dan jesprimi l-mentalità tad-dinja li aħna dejjem ittantati biha: li ngħixu l-milja ta’ kollox, saħansitra fir-relazzjonijiet, biex nissodisfaw l-ambizzjonijiet tagħna, biex nitilgħu t-taraġ tas-suċċess, biex nilħqu f’postijiet importanti. It-tfittxija għall-prestiġju personali tista’ ssir marda tal-ispirtu, saħansitra moħbija wara l-maskra tal-intenzjonijiet tajba; per eżempju, meta l-ġid li nagħmlu u nipprietkaw, warajh ikun hemm l-ego tagħna, li naffermaw ruħna, jiġifieri biex intejbu s-sitwazzjoni tagħna nfusna, nixxabtu….  U dan narawh ukoll fil-Knisja.  Kemm drabi, aħna l-insara, li suppost inkunu qaddejja, nippruvaw nixxabbtu, nogħlew ‘il fuq.  Għalhekk, dejjem hemm bżonn niċċekkjaw il-veru intenzjonijiet ta’ qlubna, nistaqsu: “Għaliex qed nagħmel dax-xogħol, qed nerfa’ dir-responsabbiltà?  Biex inkun ta’ servizz jew biex jarawni, ifaħħruni, jagħmluli l-kumplimenti?  Għal dil-loġika tad-dinja Ġesù jwieġeb b’dik tiegħu: minflok nilitlgħu fuq ras l-oħrajn, ninżlu minn fuq il-pedistall biex naqduhom; minflok biex nidhru aktar minn ħaddieħor, nidlu fil-ħajja tal-oħrajn.  Kont qed nara programm “A Sua Immagine” (Fuq xbieha tiegħu) u fih rajt il-servizz li jagħtu l-Caritas sabiex ħadd ma jibqa’ nieqes mill-ikel: ninkwetaw  minħabba l-ġuħ tal-oħrajn, ninkwetaw minħabba l-ħtiġijiet tal-oħrajn.  Illum huma bosta w bosta dawk li jinsabu fil-bżonn, aktar u aktar wara l-pandemija.  Inħarsu u nitbaxxew biex naqdu mhux nippruvaw nixxabbtu għall-glorja tagħna.

Hawn hu, għalhekk, it-tieni verb: “ngħoddsu”  Ġesù jitlob dan minna.  U kif nistgħu nagħmlu dan?  Bil-ħniena, fil-ħajja ta’ min niltaqgħu miegħu.  Hemmhekk (fil-programm dwar il-Caritas) konna qed naraw il-ġuħ: u aħna niftakru bil-ħniena f’kemm nies jinsabu bil-ġuħ?  Meta jkollna l-ikel quddiemna, li hu grazzja t’Alla, u li aħna nistgħu nikluh, hemm ħafna nies li jaħdmu u ma jirnexxilhomx ikollhom biżżejjed ikel għal tul ix-xahar kollu.  Niftakruh dan?  Nitbaxxew bil-ħniena, ikollna ħniena.  Din mhux xi nota li nsibu fl-enċikolpedija: hawn tant bil-ġuħ… Le!, huma bnedmin.  U jien tiġini ħniena minn dawn il-persuni?  Ħniena mill-ħajja ta’ min niltaqgħu miegħu, kif għamel Ġesù miegħi, magħna lkoll, resaq lejna bil-ħniena.

Inħarsu lejn il-Mulej imsallab, imwaħħad sħiħ mal-istoja miġrugħa tagħna, u nindunaw kif jaħdem Alla.  Naraw li Hu ma baqax hemm fuq, fis-sema, iħares lejna minn fuq għal isfel, imma tbaxxa biex jaħslilna riġlejna.  Alla hu mħabba u l-imħabba hija umli, ma titkabbarx, imma tinżel ‘l isfel bħax-xita li tinżel fl-art u ġġib il-ħajja.  Imma kif nagħmlu biex nimxu fl-istess triq ta’ Ġesù, biex minflok nitkabbru, nitbaxxew, biex mill-mentalità tal-prestiġju, dik tad-dinja, ngħaddu għall mentalità li naqdu, għall-mentalità nisranija?  Jitlob minna impenn, imma mhux biżżejjed.   Waħedna diffiċli, biex ma ngħidux impossibbli, imma fina hemm qawwa li tgħinna.  Hi dik tal-Magħmudija, dak l-inżul f’Ġesù li lkoll irċevejna bi grazzja li ttina direzzjoni, tixprunana biex nimxu warajh, biex ma nfittxux l-interessi tagħna u, minflok, naqdu.  Hija grazzja, hija nar li l-Ispirtu xegħel fina u li rridu nibqgħu nżommu ħaj.  Nitolbu llum lill-Ispirtu s-Santu biex iġedded fina l-grazzja tal-Magħmudija, l-inżul f’Ġesù, fil-mod kien kien jgħix, biex inkunu aktar qaddejja, biex inkunu qaddejja bħalma Hu kien magħna.

U nitolbu lill-Madonna: hi, li minkejja li kienet kbira, qatt ma ppruvat togħla, imma kienet il-qaddejja umli tal-Mulej, u hi mwaħħda sħiħ magħna biex taqdina, biex tgħinna niltaqgħu ma’ Ġesù.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Illum, il-Fundazzjoni “Għajnuna lill-Knisja li qed Tbati” għandha appuntament fil-parroċċi, fl-iskejjel u fil-familji bl-inizjattiva “Għall-għaqda u għall-paċi, miljun tfal jirreċitaw ir-Rużarju”.  Nagħmel kuraġġ lil dil-kampanja ta’ talb, li din is-sena, b’mod partikolari, qed titqiegħed taħt l-interċessjoni ta’ San Ġużepp.  Ngħid grazzi lit-tfal kollha subjien u bniet li qed jieħdu sehem!  Grazzi ħafna.

Ilbieraħ f’Cordoba, fi Spanja, saret il-beatifikazzjoni tas-saċerdot Juan Elias Medina u 126 sħabu martri: saċerdoti, reliġjużi nisa, seminaristi u lajċi, li nqatlu minħabba l-mibegħda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni reliġjuża vjolenti tas-snin tletin, fi Spanja.  Jalla l-fedeltà tagħhom tagħti l-qawwa lilna lkoll, speċjalment lill-insara persegwitati f’diversi nħawi tad-dinja, biex inkunu xhieda kuraġġużi tal-Evanġelju.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Matul il-ġimgħa li għaddiet seħħew diversi attentati, per eżempju fin-Norveġja, fl-Afghanistan, fl-Ingilterra, li ħallew għadd ta’ mejtin u feruti.  Nesprimi l-qrubija tiegħi lill-familjari tal-vittmi.  Nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex tabbandunaw it-toroq tal-vjolenza li hi dejjem telliefa, li hi telf għal kulħadd.  Niftakru li l-vjolenza toħloq aktar vjolenza.

Insellem likom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi.  Insellem partikolarment lis-Sorijiet “Medee” li qed jiċċelebraw il-Kaptilu Ġenerali, lill-Konfederazzjoni tal-Poveri Cavalieri di San Bernardo di Chiaravalle, lill-imprendituri afrikani miġburin għal-laqgħa internazzjonali, lill-fidili minn Este, Cavallino u Ca’ Vio (Venezja), u lill-adoloxxenti tal-Ġriżma minn Galzignano.

Insllem u nbierek lill-”Pellegrinaġġ ekumeniku għal-ġustizzja ekoloġika”, magħmul minn insara ta’ konfessjonijiet differenti, li telqu mill-Polonja u sejrin l-Iskozja fl-okkazjoni tas-summit dwar il-klima COP26.

U likom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos