Għada t‑Tlieta, 1 ta’ Frar, se jiftħu l‑applikazzjonijiet għal ‘Applikanti Oħra’ għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta u f’Għawdex għas‑sena skolastika li tibda f’Settembru li ġej.  In‑numru ta’ postijiet vakanti huwa ta’ 916 (831 f’Malta u 85 f’Għawdex). Fir‑regolamenti li ġew ippubblikati f’Novembru li għadda fuq www.knisja.mt hemm informazzjoni dettaljata tal‑postijiet offruti u tal‑kriterji kif ukoll il‑lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u dettalji oħra.

Il‑proċess għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. Din is‑sena hemm ftuħ ukoll fir‑raba’ sena primarja għal‑bniet. L‑applikazzjonijiet għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta jsiru fuq knisja.mt/applikazzjonijiet bejn l‑1 u l‑14 ta’ Frar u t‑22 u t-28 ta’ Frar 2022. Għal aktar informazzjoni ċempel fuq 79990224, 79515491 jew 77865241 jew ibgħat imejl fuq [email protected].

Il‑proċess għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel sena kindergarten u fl‑ewwel sena sekondarja. L‑applikazzjonijiet għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑knisja f’Għawdex isiru fuq knisja.mt/gozoapplications bejn l‑1 u l‑14 ta’ Frar 2022. Għal aktar informazzjoni ċempel 79990271 jew jibgħat imejl fuq [email protected].

Għal aktar dettalji dwar l‑applikazzjonijiet ara ċ‑ċirkolari u r‑regolamenti ppubblikati fuq www.knisja.mt.