• Nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa solenni ta’ Marija Annunzjata, fil-Knisja l-Qadima ta’ Ħal Balzan. L-arċisqof kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ man-nies preżenti.

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Knisja l-Qadima tal-Annunzjata, Ħal-Balzan
    25 ta’ Marzu 2017

    Monsinjur Arċisqof: Il-kwadru tafu kemm għandu żmien?

    Espert: Data m’għandniex tiegħu Eċċellenza.

    Monsinjur Arċisqof: Minn dejjem kien hawnhekk?

    Espert: Minn dejjem kien hawnhekk, dak lanqas minn pittru ma nafu, sura primittiva.

    Monsinjur Arċisqof: Iva, hekk hu. Primittiva, imma profonda.

    Jiena meta rajtu waqaft biex nammira t-teoloġija tiegħu, meta tgħid teoloġija tfisser dak kollu li hemm fil-kwadru u jipprova jispjegalna dak li qed niċċelebraw illum. L-ewwel nett hemm dan id-djalogu bejn l-anġlu u l-Madonna. Il-Madonna mhijex l-isbaħ mara fid-dinja fil-kwadru u jfakkarna f’dik is-siltà mill-Għanja tal-Għanjiet: “jiena samranija imma sabiħa – nigra sum sed formosa” (Għan 1, 5). Formosa mhux kunjom, imma ‘sabiħa’. Bil-Latin biex tgħid sabiħ tgħid formosus jew inkella jekk tkun mara formosa. Hekk hu min jismu ‘Formosa’ jieħu pjaċir, jismu sabiħ jew sabiħa.

    Imma l-Madonna qiegħda titlob – innutaw il-ġinokkjatur, bħalma qiegħda anke fl-istatwa titulari, sabiħa. Il-Madonna qiegħda titlob, fl-istess ħin għajnejha fuq l-anġlu li b’subgħajh qed jindika lill-Missier u qed joffrilha l-ġilju ta’ maternità safja. Hemm ukoll it-Trinità Qaddisa: il-Missier, hemm l-Ispirtu s-Santu, u l-Iben fejn qiegħed? L-Iben qiegħed fil-ġuf tal-omm. Hemm l-Ispirtu s-Santu li qed jitfa’ d-dell tiegħu – innutaw kemm l-artist ried jenfasizza dan il-fatt: m’hemmx biss l-Ispirtu s-Santu, imma r-raġġi tal-Ispirtu s-Santu – u din hija xi ħaġa rari – jolqtu propju il-moħħ, ir-ras tal-Madonna, dik l-idea bħalma hemm fl-Evanġelju li għadna kemm smajna li l-“qawwa tal-Ispirtu s-Santu tgħattik. Ikun id-dell tiegħek” (ara Lq 1, 35), ikun il-glorja tiegħek.      

    Fl-Evanġelju hemm sinjal ieħor; biex iserħilha rasha, l-anġlu jgħidilha: “U ara l-qariba tiegħek Eliżabetta dik li ma setax ikollha tfal, diġà qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala tagħha” (v. 36). Mela, jekk qiegħda fis-sitt xahar, kien għad baqalha tliet xhur tat-tqala. Aħna rridu nistennew it-twelid ta’ din it-tarbija minn hawn u tliet xhur oħra. Aħna meta niċċelebraw it-twelid ta’ San Ġwann? Fl-24 ta’ Ġunju, tliet xhur oħra. Għax dawn id-dati huma kollha marbutin ma’ xulxin: il-Milied, allura mbagħad il-Milied disgħa xhur qabel jiġi llum, tliet xhur wara llum, mhux il-25, tgħiduli: “għaliex mhux il-25 ta’ Ġunju?”. Għax il-Mulej il-kalkolu tiegħu huwa perfett: 25, 25, imma l-prekursur mhux perfett, ġurnata inqas. Għax il-perfezzjoni qiegħed fl-Iben ta’ Alla. Jiena naħseb din hija propju r-raġuni għaliex ma niċċelebrawx it-twelid tal-Battista propju tliet xhur eżatt għaliex il-perfezzjoni huwa tal-Iben ta’ Alla, mhux tal-profeta.

    Din is-solennità mhijiex fuq xi mit, imma fuq ġrajja li seħħet tassew, il-pedament tal-fidi tagħna f’Ġesù u għalhekk illum, mhux ta’ b’xejn ninżlu għarkubbtejna.

    Fl-istess ħin dan il-profeta se jgħid: “dan hu l-Ħaruf ta’Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1, 29). Se jikkonferma dak li l-anġlu qal lil Marija: li hu se jieħu t-tron ta’ David missieru, se jissejjah l-Iben il-Għoli (Lq 1, 32), u allura hemm paternità li hija naturali dik tal-Missier, hemm il-maternità tal-omm, li permezz tagħha huwa Lhudi, huwa bniedem. Illum il-Verb ta’ Alla sar bniedem. Ma nafx jekk hawnx minnkom li kellhom il-grazzja tmorru Nazzaret u intom tafu li fil-grotta ta’ Nazzaret, fejn hemm l-artal, hemm il-post fejn ifakkru dan l-avveniment li ġara’ fl-istorja u biddel l-istorja. F’Nazzaret hemm miktub ‘Verbum Dei hic caro factum est, l-Iben t’Alla hawn sar bniedem’.

    Din is-solennità mhijiex fuq xi mit, imma fuq ġrajja li seħħet tassew, il-pedament tal-fidi tagħna f’Ġesù u għalhekk illum, mhux ta’ b’xejn ninżlu għarkubbtejna.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja