Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum nagħlqu ċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq il-figura ta’ San Ġużepp. Dawn il-katekeżijiet huma kumplimentari għall-Ittra appostolika Patris corde, miktuba fl-okkażjoni tal-150 sena mill-proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Kattolika mill-Beatu Piju IX. Imma xi jfisser dan it-titlu? Xi jfisser li San Ġużepp hu “Patrun tal-Knisja”? Illum nixtieq nirrifletti magħkom dwar dan.

F’dan il-każ ukoll għandna l-Evanġelji li jagħtuna l-muftieħ biex naqraw aħjar. Fil-fatt, fi tmiem kull ġrajja li fiha Ġużeppi hu protagonista, l-Evanġelju jinnota li hu ħa miegħu lit-Tifel u lil ommu u għamel dak li ordnalu Alla (ara Mt 1:24; 2:14,21). U hekk jispikka dan il-fatt li Ġużeppi għandu l-missjoni li jipproteġi lil Ġesù u ’l Marija. Huwa l-ħarries ewlieni tagħhom: “Fil-verità, Ġesù u Ommu Marija huma t-teżor l-aktar prezzjuż tal-fidi tagħna”[1] (Ittra appostolika Patris corde, 5), u dan it-teżor hu mħares minn San Ġużepp.

Fil-pjan tas-salvazzjoni ma tistax tifred lill-Iben mill-Omm, minn dik li “mxiet ’il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha ta’ fidi u żammet bil-fedeltà l-għaqda tagħha ma’ Binha sas-salib” (Lumen gentium, 58), kif ifakkarna l-Konċilju Vatikan II.

Li tkun Nisrani ma jfissirx biss tirċievi l-fidi, tistqarr il-fidi, imma wkoll li tħares il-ħajja, il-ħajja tiegħek, il-ħajja tal-oħrajn, il-ħajja tal-Knisja.

Ġesù, Marija u Ġużeppi huma f’ċertu sens l-ewwel nukleu tal-Knisja. Ġesù hu Bniedem u Alla; Marija, l-ewwel dixxiplu, hija l-Omm; u Ġużeppi, il-ħarries. U aħna wkoll “għandna dejjem nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex nipproteġu b’ħilitna kollha lil Ġesù u Marija, li b’mod misterjuż ġew fdati fir-responsabbiltà tagħna, fl-għożża tagħna, fil-ħarsien tagħna” (Patris corde, 5). U hawn għandna karatteristika sabiħa ħafna tas-sejħa Nisranija: dik li nkunu ħarriesa. Inħarsu l-ħajja, inħarsu l-iżvilupp tal-bniedem, inħarsu l-ħsieb tal-bniedem, inħarsu l-qalb tal-bniedem, inħarsu xogħol idejn il-bniedem. In-Nisrani hu – nistgħu ngħidu – bħal San Ġużepp: għandu jkun ħarries. Li tkun Nisrani ma jfissirx biss tirċievi l-fidi, tistqarr il-fidi, imma wkoll li tħares il-ħajja, il-ħajja tiegħek, il-ħajja tal-oħrajn, il-ħajja tal-Knisja. L-Iben tal-Aktar Għoli ġie fid-dinja f’qagħda ta’ dgħufija kbira: Ġesù twieled hekk, dgħajjef, dgħajjef. Ried li jiġi bżonn min jiddefendih, jipproteġih, jieħu ħsiebu. Alla fada lilu nnifsu f’idejn Ġużeppi, kif għamlet ukoll Marija, li fih sabet ir-raġel li ħabbha u rrispettaha u dejjem ħa ħsieb tagħha u tat-Tifel. F’dan is-sens, “San Ġużepp ma jistax ma jkunx il-Ħarries tal-Knisja, għax il-Knisja qed tissokta tkun il-Ġisem ta’ Kristu fl-istorja, u fl-istess waqt fil-maternità tal-Knisja hemm moħbija l-maternità ta’ Marija. Ġużeppi, meta jissokta jħares lill-Knisja, jissokta jħares lit-Tifel u lil ommu, u anki aħna meta nħobbu lill-Knisja qed nissoktaw inħobbu lit-Tifel u lil ommu” (ibid.).

Dan it-Tifel hu Dak li ’l quddiem kellu jgħid: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għalhekk kull persuna li hi bil-ġuħ jew bil-għatx, kull barrani, kull migrant, kull għeri, kull marid, kull ħabsi hu t-“Tifel” li Ġużeppi jħares. U aħna mistednin inħarsu lil dawn il-persuni, dawn ħutna, l-istess kif għamel Ġużeppi. Għalhekk, imsejjaħ Protettur ta’ dawk kollha li huma fil-bżonn, tal-imtarrfin, tal-magħkusin, u anki tal-moribondi – fuq dawn tkellimna l-Erbgħa li għaddiet. U anki aħna minn Ġużeppi għandna nitgħallmu “nħarsu” dan il-ġid: inħobbu lit-Tifel u lil ommu; inħobbu s-Sagramenti u l-poplu ta’ Alla; inħobbu lill-foqra u lill-parroċċa tagħna. Kull waħda minn dawn ir-realtajiet dejjem hi t-Tifel u ommu (ara Patris corde, 5). Aħna għandna nħarsuhom, għax hekk inkunu nħarsu lil Ġesù, kif għamel Ġużeppi.

Illum hu komuni, hi ħaġa ta’ kuljum li ssib min jikkritika lill-Knisja, jinsisti fuq l-inkoerenzi tagħha – għandha ħafna –, jisħaq fuq id-dnubiet tagħha, li fir-realtà huma l-inkoerenzi tagħna, id-dnubiet tagħna, għax sa minn dejjem il-Knisja hi poplu ta’ midinbin li jiltaqgħu mal-ħniena ta’ Alla. Ejjew nistaqsu jekk, fil-fond ta’ qalbna, inħobbuhiex lill-Knisja kif inhi. Poplu ta’ Alla li jinsab f’mixja, b’tant limiti imma b’rieda hekk kbira li jaqdi u jħobb lil Alla. Fil-fatt, l-imħabba biss tagħmilna kapaċi ngħidu l-verità sħiħa, u mhux parti minnha biss; li ngħidu x’mhux sejjer sew, imma nagħrfu wkoll il-ġid kollu u l-qdusija kollha li huma preżenti fil-Knisja, ibda proprju minn Ġesù u minn Marija. Inħobbu lill-Knisja, inħarsu lill-Knisja u nimxu mal-Knisja. Għax il-Knisja mhijiex dak il-grupp żgħir li dejjem idur mal-qassis u jikkmanda lil kulħadd, le. Il-Knisja aħna lkoll, ilkoll. F’mixja. Nieħdu ħsieb wieħed tal-ieħor, nieħdu ħsieb ta’ xulxin. Mistoqsija sabiħa din: jien, meta jkolli problema b’xi ħadd, nipprova nieħu ħsiebu jew dritt nikkundannah, inpaċpaċ ħażin fuqu, neqirdu? Jeħtieġ nieħdu ħsieb, dejjem nieħdu ħsieb!

Kull persuna li hi bil-ġuħ jew bil-għatx, kull barrani, kull migrant, kull għeri, kull marid, kull ħabsi hu t-“Tifel” li Ġużeppi jħares. U aħna mistednin inħarsu lil dawn il-persuni, dawn ħutna, l-istess kif għamel Ġużeppi.

Għeżież ħuti, inħeġġiġkom tfittxu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp proprju fl-iktar mumenti diffiċli tal-ħajja tagħkom u tal-komunitajiet tagħkom. Hemm fejn l-iżbalji tagħna jsiru skandlu, ejjew nitolbu lil San Ġużepp li jkollna l-kuraġġ tal-verità, li nitolbu maħfra u umilment nerġgħu nibdew. Hemm fejn il-persekuzzjoni żżommna milli nxandru l-Evanġelju, nitolbu lil San Ġużepp il-qawwa u s-sabar li nagħrfu nġarrbu t-tirannija u t-tbatijiet għall-imħabba tal-Evanġelju. Hemm fejn il-mezzi materjali u umani huma skarsi u jdewquna l-esperjenza tal-faqar, fuq kollox meta aħna msejħin naqdu lill-foqra, lil dawk li ħadd ma jiddefendihom, lill-iltiema, lill-morda, lill-mormija tas-soċjetà, nitolbu lil San Ġużepp biex ikun għalina Providenza. Kemm qaddisin fittxewh! Kemm persuni fl-istorja tal-Knisja sabu fih patrun, ħarries, missier!

Ejjew nimxu fuq l-eżempju tagħhom u għalhekk, ilkoll flimkien, illum nitolbu; nitolbu lil San Ġużepp bit-talba li jien poġġejt bħala għeluq tal-Ittra Patris corde, u nafdawlu l-intenzjonijiet tagħna u, b’mod speċjali, lill-Knisja li qed tbati u li tinsab imġarrba. U issa, intom għandkom f’idejkom it-talba f’diversi lingwi, naħseb f’xi erbgħa, u naħseb li ħa tidher ukoll fuq l-iskrin biex hekk flimkien, kulħadd bil-lingwa tiegħu, nistgħu nitolbu lil San Ġużepp.

Sliem għalik, ħarries tal-Feddej,
u għarus tal-Verġni Marija.
Lilek Alla fdalek lil Ibnu:
fik Marija qiegħdet il-fiduċja tagħha;
miegħek Kristu trawwem bħala raġel adult.

O Mqaddes Ġużeppi, kun missier għalina wkoll,
u mexxina fit-triq tal-ħajja.
Aqlgħalna l-grazzja, il-ħniena u l-kuraġġ,
u ħarisna minn kull deni. Amen.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] S. Rituum Congreg., Digriet Quemadmodum Deus (8 ta’ Diċembru 1870): ASS 6 (1870-71), 193; ara PII IX, Ittra appostolika Inclytum Patriarcham (7 ta’ Lulju 1871): l.c., 324-327.