Omelija mill-Papa Franġisku

Ġesù “l-għada qabel is-sebħ reġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh” (Ġw 8:2). Hekk jiftaħ l-episodju tal-mara adultera. L-isfond jidher seren: għodwa f’dak il-post qaddis, fil-qalba ta’ Ġerusalemm. Il-protagonista hu l-poplu ta’ Alla, li fil-bitħa tat-Tempju mar ifittex lil Ġesù, l-Imgħallem: xtaq jisimgħu, għax dak li jgħid hu kien idawwal u jsaħħan il-qalb. It-tagħlim tiegħu ma kellu xejn astratt fih, kien imiss il-ħajja u jeħlisha, jibdilha, iġeddidha. Araw ix-“xamma” tal-poplu ta’ Alla, li ma jikkuntentax ruħu bit-tempju magħmul mill-ġebel, imma jinġabar madwar il-persuna ta’ Ġesù. F’din il-paġna nilmħu l-poplu ta’ dawk li f’kull żmien iħaddnu l-fidi, il-poplu qaddis ta’ Alla, li hawn f’Malta hu kbir fl-għadd u mimli ħajja, fidil fit-tiftixa tal-Mulej, marbut ma’ fidi konkreta, mgħixa. Nirringrazzjakom ta’ dan.

Quddiem il-poplu li jmur jiġri għandu, Ġesù mhuwiex mgħaġġel: “Qagħad bilqiegħda”, jgħid l-Evanġelju, “jgħallimhom” (v. 2). Imma fl-iskola ta’ Ġesù kien hemm postijiet battala. Kien hemm in-neqsin: dawn huma l-mara u dawk li akkużawha. Dawn ma marrux bħall-oħrajn għand l-Imgħallem, u r-raġunijiet tal-assenza tagħhom huma bosta: il-kittieba u l-Fariżej ħasbu li diġà jafu kollox, li ma kellhomx bżonn tat-tagħlim ta’ Ġesù; il-mara, mill-banda l-oħra, kienet persuna mitlufa, li żbaljat it-triq għax fittxet il-ferħ f’toroq ħżiena. Dawn allura huma assenzi dovuti għal motivazzjonijiet differenti, kif differenti hu l-eżitu tal-ġrajja tagħhom. Ejjew nieqfu ftit fuq dawn l-assenti. Bħall-mara kienu assenti!

Qabelxejn fuq l-akkużaturi tal-mara. Fihom nilmħu x-xbieha ta’ dawk li jiftaħru li huma ġusti, josservaw il-liġi ta’ Alla, persuni li jaħsbu li kollox għandhom f’postu u jriduha ta’ tajbin. Id-difetti tagħhom ma jarawhomx, imma huma attentissmi biex jikxfu tal-oħrajn. U allura jmorru għand Ġesù: mhux b’qalb miftuħa biex jisimgħuh, imma “biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh” (v. 6). L-intenzjoni tagħhom hi ritratt ta’ x’kien hemm f’qalb dawn il-persuni kulti u reliġjużi, li kienu jafu l-Iskrittura, jiffrekwentaw it-Tempju, imma jdawru kollox skont l-interessi tagħhom u ma jeħduhiex kontra l-ħsibijiet ħżiena li hemm jgħumu fil-qalb tagħhom. F’għajnejn in-nies jidhru esperti ta’ Alla, imma proprju huma li ma jagħrfuhx lil Ġesù, anzi jarawh bħala għadu li ta’ min jeħles minnu. Biex jagħmlu dan, iġibulu quddiemu persuna, bħallikieku kienet xi oġġett, u bi stmerrija jsejħulha “din il-mara” u jakkużaw pubblikament l-adulterju tagħha. Jisħqu li l-mara għandha tiġi mħaġġra, u jixħtu fuqha l-fastidju li tagħtihom il-ħniena ta’ Ġesù. U dan kollu jagħmluh taħt il-mant tal-fama tagħhom ta’ rġiel reliġjużi.

Ħuti, dawn il-persunaġġi qed juruna li mqar fir-reliġjożità tagħna jista’ jkun hemm is-susa tal-ipokrezija u ­l-vizzju li nippuntaw subgħajna. F’kull żmien, f’kull komunità. Dejjem hemm il-periklu li lil Ġesù nifhmuh ħażin, li jkollna ismu fuq xofftejna imma bil-fatti nkunu niċħduh. U dan nistgħu nagħmluh ukoll aħna u nerfgħu standardi bis-salib fuqhom. Allura kif nivverifikaw jekk aħniex tassew dixxipli fl-iskola tal-Imgħallem tagħna? Mill-ħarsa tagħna, minn kif inħarsu lejn il-proxxmu u minn kif inħarsu lejna nfusna.

Minn kif inħarsu lejn il-proxxmu: jekk nagħmlux dan kif qed jurina Ġesù llum, jiġifieri b’ħarsa ta’ ħniena, jew nagħmluhx b’ton ta’ ġudizzju, xi drabi saħansitra b’disprezz, bħall-akkużaturi tal-Evanġelju, li jriduha ta’ paladini ta’ Alla imma mhumiex jintebħu li qed ikasbru lil ħuthom. Fir-realtà, min jemmen li qed jiddefendi l-fidi billi jipponta sebgħu lejn l-oħrajn jaf għandu viżjoni reliġjuża, imma mhuwiex qed jitgħarras mal-ispirtu tal-Evanġelju, għax qed jinsa l-ħniena, li hi l-qalb ta’ Alla.

Dejjem hemm il-periklu li lil Ġesù nifhmuh ħażin

Biex nifhmu aħniex tassew dixxipli tal-Imgħallem, hemm bżonn nivverifikaw ukoll kif qed inħarsu lejna nfusna. L-akkużaturi tal-mara kienu konvinti li ma kellhom xejn x’jitgħallmu. Fil-fatt id-dehra esterna tagħhom hi perfetta, imma hemm nieqsa l-verità tal-qalb. Huma r-ritratt ta’ dawk il-fidili li, f’kull żmien, jagħmlu mill-fidi element tal-faċċata, fejn dak li jispikka hu l-esterjorità solenni, imma hemm nieqes il-faqar interjuri, li hu t-teżor l-aktar prezzjuż li għandu l-bniedem. Fil-fatt, għal Ġesù dak li jiswa hu d-disponibbiltà miftuħa ta’ min ma jħossux li diġà wasal, imma li għandu bżonn tas-salvazzjoni. Għalhekk jagħmlilna tajjeb, meta nkunu miġbura fit-talb u anki meta nkunu nieħdu sehem f’funzjonijiet reliġjużi sbieħ, li nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex f’sintonija mal-Mulej. Dan nistgħu nistaqsuh direttament lilu: “Ġesù, ninsab hawn miegħek, imma int xi trid minni? Xi trid li jinbidel fil-qalb tiegħi, fil-ħajja tiegħi? Kif tridni nħares lejn l-oħrajn?”. Nagħmlu sew jekk nitolbu hekk, għax l-Imgħallem ma jkunx kuntent bl-apparenza, imma hu jfittex il-verità tal-qalb. U meta niftħulu qalbna fil-verità, jista’ jwettaq għeġubijiet fina.

Dan narawh fil-mara adultera. Is-sitwazzjoni tagħha dehret li tinsab fil-periklu, imma quddiem għajnejha jinfetaħ xefaq ġdid, li ma kinitx tistħajjel. Miksija bit-tagħjir, lesta biex tilqa’ kliem bla ħniena u kastigi l-aktar qliel, b’għaġeb tagħha tara lil Alla jaħfrilha, u jiftħilha beraħ quddiemha futur mhux mistenni: “Ħadd minnhom ma kkundannak?”, jgħidilha Ġesù. “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (vv. 10, 11). X’differenza bejn l-Imgħallem u dawk li xlewha! Dawk kienu kkwotaw l-Iskrittura biex jikkundannaw; Ġesù, il-Kelma ta’ Alla nfisha, jerġa’ jagħti l-ħajja għalkollox lil dik il-mara, u jroddilha t-tama. Minn din il-ġrajja nitgħallmu li kull osservazzjoni, jekk mhix imqanqla mill-imħabba u ma fihiex imħabba, iktar tgħaddas ’l isfel lil min jirċeviha. Imma Alla jħalli dejjem possibbiltà miftuħa u jaf kull darba jsib toroq ta’ ħelsien u ta’ salvazzjoni.

Il-Mulej jixtieq li aħna wkoll… insiru xhieda bla heda ta’ rikonċiljazzjoni

Il-ħajja ta’ dik il-mara tinbidel grazzi għall-maħfra. Saħansitra jiġina li naħsbu li, maħfura minn Ġesù, tgħallmet ukoll taħfer hi stess. Forsi fl-akkużaturi tagħha ma baqgħetx tara iżjed persuni riġidi u kiefra, imma dawk li bis-saħħa tagħhom setgħet tiltaqa’ ma’ Ġesù. Il-Mulej jixtieq li aħna wkoll, dixxipli tiegħu, aħna bħala Knisja, maħfura minnu, insiru xhieda bla heda ta’ rikonċiljazzjoni: ta’ Alla li għalih ma teżistix il-kelma “irrekuperabbli”; ta’ Alla li dejjem jaħfer – hu aħna li negħjew nitolbu maħfra –, ikompli jemmen fina u kull darba jagħtina l-possibbiltà li nibdew mill-ġdid. M’hemm ebda dnub jew falliment li, meta jieħdu hu fuqu, ma jistax isir okkażjoni għalina biex nibdew ħajja ġdida, differenti, f’isem il-ħniena. M’hemm ebda dnub li ma jistax jaqbad din it-triq. Alla jaħfer kollox, kollox.

Ma hemm ebda dnub jew falliment li… ma jistax isir okkażjoni għalina biex nibdew ħajja ġdida

Dan hu l-Mulej Ġesù. Isir jafu tabilħaqq min jagħmel esperjenza tal-maħfra tiegħu. Min, bħall-mara tal-Evanġelju, jiskopri li Alla jżurna permezz tal-ġrieħi ġewwiena tagħna. Sewwasew hemm il-Mulej iħobb juri ruħu, għax hu ġie mhux għal min hu b’saħħtu imma għall-marid (ara Mt 9:12). U llum hi din il-mara, li fil-miżerja tagħha ltaqgħet mal-ħniena u li terġa’ lura fid-dinja mfejqa mill-maħfra ta’ Ġesù, li trid tissuġġerilna, bħala Knisja, li nerġgħu nibdew mill-ġdid fl-iskola tal-Evanġelju, fl-iskola ta’ Alla tat-tama li dejjem jissorprendina. Jekk nixbhuh, ma nkunux ittentati li nikkonċentraw fuq il-kundanna tad-dnubiet, imma mħeġġa biex bi mħabba nfittxu lill-midinbin. Ma noqogħdux ngħoddu lill-preżenti, imma mmorru nfittxu l-assenti. Ma nerġgħux nippuntaw subgħajna, imma nibdew nagħtu widen. Ma narmux lill-mistkerrha, imma npoġġu fl-ewwel post lil dawk li huma meqjusa tal-aħħar. Dan hu li jgħallimna llum Ġesù bl-eżempju tiegħu. Inħalluh jgħaġġibna. Nilqgħu bil-ferħ l-aħbar ġdida tiegħu.


Clicca qui per leggere la omelia in italiano.

Aktar ritratti