Ninsabu fil-qalba tal-Ġimgħa Mqaddsa, li hi mifruxa minn Ħadd il-Palm sa Ħadd il-Għid. Dawn il-Ħdud it-tnejn huma kkaratterizzati mill-festa li ssir madwar Ġesù. Imma huma żewġ festi differenti.
Il-Ħadd li għadda rajna lil Kristu dieħel solennement f’Ġerusalemm, bħal f’festa, milqugħ bħala Messija: u għalih jinfirxu fit-triq imnatar (ara Lq 19:36) u friegħi maqtugħa mis-siġar (ara Mt 21:8). Il-folla ferħana tbierek b’leħen għoli lis-“Sultan, li ġej”, u tgħanni: “Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!” (Lq 19:38). Dawk in-nies kienu qed jiffesteġġjaw għax fid-dħul ta’ Ġesù raw il-wasla ta’ sultan ġdid, li kellu jġib il-paċi u l-glorja. Din kienet il-paċi mistennija minn dawk in-nies: paċi glorjuża, frott ta’ intervent regali, dak ta’ messija qawwi li kellu jeħles lil Ġerusalemm mill-okkupazzjoni tar-Rumani. Oħrajn, aktarx, kienu joħolmu t-twaqqif mill-ġdid ta’ paċi soċjali u f’Ġesù kienu jilmħu s-sultan ideali, li kellu jitma’ lill-folol imġewħa bil-ħobż, kif diġà kien għamel, u jwettaq mirakli kbar, u hekk iġib iżjed ġustizzja fid-dinja.
Imma Ġesù qatt ma jitkellem dwar dan. Quddiemu kellu Għid differenti, mhux Għid trijonfali. L-unika ħaġa li xtaq biex iħejji għad-dħul tiegħu f’Ġerusalemm kienet li jirkeb fuq “felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu” (v. 30). Araw kif Kristu jġib il-paċi fid-dinja: permezz tal-manswetudni u l-ħlewwa, issimbolizzati minn dak il-felu marbut, li fuqu ħadd ma kien għadu tela’. Ħadd, għax il-mod kif jaħdem Alla hu differenti minn dak tad-dinja. Fil-fatt, Ġesù, ftit qabel l-Għid, fisser lid-dixxipli tiegħu: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Huma żewġ modi differenti: mod kif id-dinja tagħtina l-paċi u mod kif Alla jagħtina l-paċi. Huma differenti.
L-armi tal-Evanġelju huma t-talb, il-ħlewwa, il-maħfra u l-imħabba b’xejn lill-proxxmu, l-imħabba lil kull proxxmu. Hekk inwassluha l-paċi ta’ Alla fid-dinja
Il-paċi li jagħtina Ġesù fl-Għid mhijiex il-paċi li timxi skont l-istrateġiji tad-dinja, li taħseb li tista’ tiksibha bil-qawwa, bil-konkwisti u b’diversi għamliet ta’ impożizzjoni. Fir-realtà, din il-paċi hija biss intervall bejn il-gwerer: nafuh tajjeb dan. Il-paċi tal-Mulej tfittex it-triq tal-umiltà u tas-salib: niksbuha billi nerfgħu lill-oħrajn fuq spallejna. Fil-fatt, Kristu ħa fuqu l-ħażen tagħna, id-dnub tagħna u l-mewt tagħna. Ħa fuqu dan kollu. Hekk hu ħelisna. Huwa ħallas għalina. Il-paċi tiegħu mhijiex frott ta’ xi kompromess, imma titwieled mid-don tiegħu nnifsu. Imma din il-paċi umli u qalbiena diffiċli tilqagħha. Fil-fatt, il-folla li sellmet lil Ġesù bl-Osanna hija l-istess waħda li wara ftit jiem għajtet “Sallbu” u, imbeżżgħa u deluża, mank difer ma ċċaqlaq għalih.
F’dan id-dawl, dejjem hu attwali r-rakkont kbir ta’ Dostoevskij, l-hekk imsejħa Leġġenda tal-Inkwiżitur il-Kbir. Din tirrakkonta kif Ġesù, wara bosta sekli, jerġa’ lura fuq l-Art. Minnufih jiġi milqugħ b’festa mill-folla, li tagħrfu u tagħtih ġieħ. “Aħ, erġajt ġejt! Ejja, ejja magħna!”. Imma mbagħad jiġi arrestat mill-Inkwiżitur, li jirrappreżenta l-loġika ta’ din id-dinja. Dan jinterrogah u jikkriktah bil-qawwi. Ir-raġuni finali taċ-ċanfira hi li Kristu, imqar jekk seta’, qatt ma ried isir Ċesari, l-ikbar sultan ta’ din id-dinja, u minflok ipprefera jħalli lill-bniedem liberu flok iġibu taħtu u jsolvi l-problemi bil-qawwa. Seta’ jġib il-paċi fid-dinja, billi jġib taħtu lill-qalb libera imma msejkna tal-bniedem permezz tal-qawwa ogħla tiegħu, imma ma riedx: irrispetta l-libertà tagħna. “Int”, jgħidlu l-Inkwiżitur lil Ġesù, “kieku aċċettajt id-dinja u l-porpa ta’ Ċesari, stajt twaqqaf is-saltna universali u ġġib il-paċi ma’ kullimkien” (L-aħwa Karamazov, Milan 2012, 345); u b’sentenza ħarxa jikkonkludi: “Jekk hemm bniedem li ħaqqu iktar minn kulħadd il-ħruq, dan huwa proprju int” (348). Dan hu l-ingann li għadu jirrepeti ruħu fl-istorja, it-tentazzjoni ta’ paċi falza, mibnija fuq il-poter, li mbagħad twassal għall-mibegħda u għat-tradiment ta’ Alla u għal tant imrar fir-ruħ.
Fl-aħħar, skont dan ir-rakkont, l-Inkwiżitur ried lil Ġesù “jgħidlu xi ħaġa, imqar xi ħaġa iebsa, terribbli”. Imma Kristu rreaġixxa b’ġest konkret ta’ ħlewwa: “resaq lejh fis-skiet, u bil-ħlewwa biesu fuq xofftejh xwejħa u bla ħajja” (352). Il-paċi ta’ Ġesù ma tfittixx kif ħa taħkem fuq l-oħrajn, qatt ma hi paċi armata: qatt! L-armi tal-Evanġelju huma t-talb, il-ħlewwa, il-maħfra u l-imħabba b’xejn lill-proxxmu, l-imħabba lil kull proxxmu. Hekk inwassluha l-paċi ta’ Alla fid-dinja. Din hi r-raġuni għaliex l-aggressjoni armata ta’ dawn il-jiem, bħal kull gwerra, hi offiża qawwija kontra Alla, tradiment faħxi tal-Mulej tal-Għid, fejn flok il-wiċċ twajjeb tiegħu nippreferu dak tal-alla falz ta’ din id-dinja. Il-gwerra dejjem hi azzjoni umana li twassal għall-idolatrija tal-poter.
Ġesù, qabel l-aħħar Għid tiegħu, qal lid-dixxipli tiegħu: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27). Iva, għax waqt li l-poter ta’ din id-dinja jħalli biss qerda u mewt – dan rajnieh f’dawn il-jiem –, il-paċi tiegħu tedifika l-istorja, ibda mill-qalb ta’ kull bniedem li jilqgħu. Allura l-Għid huwa l-vera festa ta’ Alla u tal-bniedem, għax il-paċi, li Kristu rebħilna fuq is-salib bl-għotja tiegħu nnifsu, tiġi mqassma lilna. Għalhekk l-Irxoxt, nhar l-Għid, deher lid-dixxipli tiegħu, u kif sellmilhom? “Is-sliem għalikom!” (Ġw 20:19,21). Din hi t-tislima ta’ Kristu rebbieħ, ta’ Kristu rxoxt.
Il-gwerra dejjem hi azzjoni umana li twassal għall-idolatrija tal-poter.
Ħuti, l-Għid ifisser “mogħdija”. Huwa, fuq kollox din is-sena, l-okkażjoni mbierka biex ngħaddu mill-alla mondan għal Alla tal-fidi Nisranija, mir-regħba li nġorru fina għall-karità li teħlisna, mill-istennija ta’ paċi imposta bil-forza għall-impenn tax-xhieda konkreta tal-paċi ta’ Ġesù. Ħuti, ejjew nintasbu quddiem il-Mislub, għajn tas-sliem tagħna, u nitolbuh il-paċi tal-qalb u l-paċi fid-dinja kollha.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard