L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex illum ħallew Malta għal żjara ad limina Apostolorum fil‑Vatikan sabiex jagħtu rendikont dwar l‑istat taż‑żewġ djoċesijiet. Matul din iż‑żjara ta’ ħamest ijiem, l‑isqfijiet se jkollhom udjenza mal‑Papa Franġisku li se ssir nhar il‑Ġimgħa filgħodu.
Bi preparazzjoni għal din iż‑żjara, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex ħejjew żewġ rapporti dwar il‑ħidma fid‑djoċesijiet li se jiġu ppreżentati lill‑Papa u lid‑diversi dekasteri tal‑Kurja Rumana. Ir‑rapporti jispjegaw fid‑dettall fost l‑oħrajn il‑ħajja liturġika u sagramentali tal‑Knisja lokali, l‑edukazzjoni Kattolika, l‑evanġelizzazzjoni, il‑komunikazzjoni, l‑istat finanzjarju tad‑djoċesijiet, il‑ħidma ta’ djakonija u l‑ħidma favur il‑ġustizzja soċjali, u t‑tagħlim soċjali tal‑Knisja.
Din hi l‑ewwel żjara ad limina għall‑Arċisqof Charles Scicluna, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u l‑Isqof Anton Teuma. L‑aħħar darba li l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex marru l‑Vatikan għal din iż‑żjara kien f’Mejju 2012.
Minbarra laqgħat mal‑Kurja Rumana, l‑Isqfijiet ikollhom ħin jirriflettu fuq temi teoloġiċi, pastorali u amministrattivi li jgħinuhom fis‑servizz li jagħtu fid‑djoċesijiet rispettivi tagħhom. Huma se jkollhom ukoll mumenti ta’ talb hekk kif se jiċċelebraw quddiesa fil‑knejjes ewlenin ta’ Ruma, fosthom fil‑Bażilika ta’ San Pietru, San Pawl barra l‑Ħitan, San Ġwann Lateran u Santa Maria Maggiore.
X’inhi żjara ad limina
Ad limina Apostolorum ġejja mil‑Latin u tfisser ‘lejn l‑għatba tal‑Appostli’. Din iż‑żjara mhix sempliċement proċedura amministrattiva, imma pellegrinaġġ magħmul mill‑isqfijiet ta’ kull djoċesi fuq l‑oqbra ta’ San Pietru u San Pawl f’Ruma. Isservi ta’ opportunità sabiex il‑Papa jiddiskuti mal‑isqfijiet kwistjonijiet li jolqtu d‑djoċesi tagħhom.
Żjara ad limina hi differenti minn kwalunkwe żjarat oħra li isqof jista’ jagħmel fil‑Vatikan, bħal pereżempju jattendi sinodu. Sa ftit snin ilu kien hemm obbligu li ż‑żjara ad limina ssir kull ħames snin iżda minħabba li n‑numru ta’ djoċesijiet u isqfijiet madwar id‑dinja dejjem qed jikber, din il‑laqgħa saret issir fuq medda itwal ta’ żmien.
Bħala suċċessuri tal‑appostli, permezz ta’ din iż‑żjara, l‑isqfijiet jikkonfermaw il‑komunjoni tagħhom mal‑Knisja Universali u mas‑suċċessur ta’ Pietru, il‑Papa.