Fil-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin, il-Knisja Maltija ta’ kull sena tinġabar biex tiċċelebra dan il-jum solenni li jfakkar it-twelid tal-Knisja Universali. Din is-sena din iċ-ċelebrazzjoni saret quddiem il-Knisja tal-Għargħur u għalija attendew mijiet ta’ nies.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. għaqqad il-festa ta’ Pentekoste ma’ għeluq is-Sena Saċerdotali, u rringrazzja lis-saċerdoti talli taw ħajjithom lil Alla fil-Knisja tiegħu, biex jgħaqdu bl-imħabba l-missjoni fdata f’idejhom. ‘Huma l-ewwel’ qal l-Arċisqof, ‘fi dmir li jkomplu l-pjan tas-salvazzjoni li wettaq Kristu bil-mewt u l-qawmien tiegħu’. L-Arċisqof talab biex l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqhom u jqawwihom, filwaqt li ħeġġeġ lill-Insara biex ikomplu jitolbu għalihom.

L-Arċisqof Pawlu Cremona tkellem dwar l-aġenda ta’ mħabba li Alla l-Missier għandu għall-bnedmin, li ddeskriva bħala waħda qawwija u sabiħa, u li fl-istess ħin titlob impenn kbir mill-Insara. Qal li ‘din l-agenda titwettaq permezz ta’ kull wieħed u waħda minna. Biex dan isir, Alla l-Missier tana lil Ibnu Ġesu’ u lill-Ispirtu s-Santu bħala don, biex dak kollu li kien għallem il-Mulej jitwettaq fil-persuni’. L-Arċisqof fisser kif il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-Pentekoste kienet dik li jitwettaq fid-dixxipli u permezz tagħhom dak li kienu semgħu minn għand Ġesu’. L-Arċisqof Cremona spjega li ‘l-aġenda ta’ mħabba li Alla għandu għal bniedem hija għall-kommunita kollha, għalkemm Alla l-imbierek jagħti don lil dawk li għażel bħala saċerdoti biex din il-missjoni titwettaq’.

L-Arċisqof sejjaħ lill-Insara kollha biex huma jsostnu lis-saċerdoti bit-talb tagħhom. Qal li dan huwa mill-aktar bżonnjuż għaliex l-Mulej poġġa fuq is-saċerdoti responsabilita’ kbira u sabiħa. Fisser kif skond ma’ jgħid San Pawl, ‘huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħina fin-nuqqas ta’ ħila tagħna’. Fi tmiem l-omelija, l-Arċisqof appella biex l-Insara jħallu lill-Ispirtu s-Santu jwettaq permezz tagħhom l-aġenda ta’ mħabba ta’ Alla l-Missier, fl-irħula u l-ibliet kollha ta’ pajjiżna.

Għafas hawn biex tniżżel id-diskors tal-Arċisqof Pawlu Cremona

Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.