It-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti ssellem mill-qalb lil Ashih TEKLEAB HAILE, refuġjat mill-Eritrea li ħarab minn artu biex isalva ħajtu u li miet Malta l-bieraħ, 20 ta’ Lulju 2011, wara li salva wieħed Franciz mill-għarqa.
Tekleab ta’ 32 sena hu miżżewweġ lil Selemawit Hagus Belay. Huma ltaqgħu u żżewwġu s-Sudan fl-2006 u waslu Malta bil-baħar f’Ottubru 2009.
F’dan iż-żmien ta’ luttu, Selemawit sabet il-faraġ ta’ sħabha. Il-Kummissjoni Emigranti tagħti l-għomor lil mart Tekleab, lil ommu u lil ħutu. Id-data tal-funeral tiġi mgħarrfa aktar tard.
Il-Kummissjoni Emigranti qalet li “Franza li uriet simpatija kbira mar-refuġjati f’Malta għandha tħossa ferħana li wieħed minn ulieda ġie salvat minn refuġjat.”
AĠĠORNAMENT (26.07.11): Illum, it-Tlieta 26 ta’ Lulju 2011, fis-2:30pm ser isir servizz funebri fil-Kappella tal-Isptar Mater Dei b’sufraġju għal ruħ Ashih TEKLEAB HAILE. Wara s-servizz funebri, il-kadavru tiegħu ser iħalli Malta lejn Asmara fl-Eritrea, biex jindifen f’art twelidu skont ix-xewqa tal-familja tiegħu.