Photo by Pixabay

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-aħħar ġimgħa tas-sena liturġika, l-Evanġelji jfakkruna fit-tmiem. Aħna rridu nikkonfrontaw ruħna mal-qawwa tan-natura, li tfakkarna kemm m’aħna xejn; u, kif kollox, inkluż il-ħolm tagħna, jista’ jiġġarraf f’mument. Illum pereżempju, x’ġurnata ta’ riħ qawwi. Kultant waqt din il-quddiesa se tisimgħu xi tisfira. Ir-riħ ma nistgħux nikkontrollawh, imma jfakkarna li l-idea li aħna in control ta’ kollox, hija ħrafa. Forsi ma hemmx meditazzjoni aħjar, biex nifhmu il-ħajja kemm hi hija prezzjuża u fl-istess ħin kemm hi fraġli. 

Dan il-kliem ta’ Ġesù, mhux biex ibeżżagħna, għax hu javżana: “Għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘jiena hu,’ u ‘ż-żmien wasal,’” (Lq 21:8). Ikun hemm min iħabbat il-bieb fil-fatt, xi membru ta’ xi setta, u jibdew jgħidulna x’qed jiġri fid-dinja, u jgħidulna li d-dinja daqt tispiċċa. Ilhom mill-1910 jgħidu, li d-dinja se tispiċċa. Għaddew mitt sena u fuqhom u għadna hawn. Mhux qed ngħid li għada se nkunu hawn, għax Ġesù qalilna: ‘ma nafux’. Imma jien mhux hawn biex inħabbar tmiem id-dinja; qiegħed hawn biex il-kliem ta’ Ġesù nifhmuh fis-sens veru tiegħu. L-aħwa, dak kollu li aħna ngawdu, dak kollu li hu sabiħ, kultant jiġi fi kriżi. Kultant jiġi frott il-mibegħda ta’ bejnietna. Għax il-gwerer minn fejn ġejjin? Mhux mir-rebgħa, mhux mill-mibegħda bejn il-bnedmin? U l-inkwiet xi kultant mhux aħna nivvintawh? Għax aħna għandna ħabta, inwaħħlu kollox f’Alla. Imqar terremot, li huwa frott iċ-ċaqliq tal-pjattaformi fundamentali fid-dinja, inwaħħlu kollox f’Alla. ‘Alla ma setax iwaqqfu dak it-terremot?’ 

Alla tagħna, mhuwiex Alla tal-maġija, imma wkoll tana s-sens biex napprezzaw, nifhmu u fl-istess ħin inħejju ruħna. Inħejju ruħna għaliex? Għal dak il-mument meta niltaqgħu miegħu, imħallef ġust, u jagħtina d-destin li ħejjilna għax iħobbna. Aħna, xi rridu nagħmlu? Nippreparaw tajjeb, ngħixu ta’ nies. U nitolbuh din il-grazzja: agħtina ż-żmien neċessarju biex nitgħallmu tassew inħobbu. Il-konverżjoni din hi: li titgħallem tħobb ta’ vera. 

Nitolbu wkoll l-interċessjoni ta’ Santa Ċeċilja llum, b’mod speċjali għal dawk li jwasslulna tant sbuħija permezz tal-mużika. Il-mużika hija xi ħaġa li tagħmel il-ħajja tassew sabiħa. Hija tesprimi b’xi mod dak li qed nistennew u li se ngawdu għal dejjem. Imbasta tkun mużika sabiħa.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Apok 14, 14-19
Salm: 95 (96), 10.11-12.13
L-Evanġelju: Lq 21, 5-11

Aktar ritratti