SPANJA: DIMOSTRAZZJONI F’MADRID FAVUR ID-DRITT TAL-ĦAJJA
Bħalissa għaddejjin għadd ta’ inizjattivi varjati maħsuba biex iqajmu kuxjenza fost il-familji dwar l-attendenza ta’ dimostrazzjoni kbira maħsuba li ssir nhar is-Sibt li ġej f’Madrid fi Spanja favur id-dritt għall-ħajja, speċjalment fejn jirrigwarda lin-nisa u dawk ommijiet. Wara dawn hija l-inizjattiva RIGHT TO LIVE li ngħaqdu fiha 40 organizzazzjoni ċivili fi Spanja, b’iffukar fuq il-motto “Every life matters” – “Kull ħajja tgħodd”. L-għan tal-organizzaturi hu li jinkoraġixxu l-ikbar mobilizzazzjoni possibbli għal dik meqjusa bħala waħda mill-iktar attivitajiet b’sentimenti komuni fil-ħajja demokratika.
IR-RUMANIJA: LAQGĦA NAZZJONALI GĦAS-SAĊERDOTI
“Priesthood, charismatic service and institutional ministry” – “Is-saċerdozju, is-servizz kariżmatiku u l-ministeru istituzzjonali” – hija t-tema ta’ laqgħa nazzjonali għas-saċerdoti kattoliċi fir-Rumanija li qed issir fi Snagov, qrib Bucharest. Għal-laqgħa qed jattendu mat-80 saċerdot minn għaxra minn 11-il djoċesijiet Rumeni. Il-programm jinkludi mumenti ta’ talb, konferenzi dwar it-tema u diskussjonijiet fi grupp. Il-laqgħa nazzjonali kienet promossa mill-Isqfijiet Rumeni miż-żewġ riti, dik Rumena u dik Griega-Kattolika, matul is-sessjoni tar-rebbiegħa tal-Konferenza tal-Isqfijiet Rumeni, li saret f’mejju li għadda. Qed issir fl-isfond tas-sena ddedikata lis-saċerdoti, b’ħames laqgħat oħra se jiġu organizzati fi djoċesijiet differenti.
INGILTERRA: VESPRI KOMUNI FIL-KATIDRAL TA’ WESTMINISTER
Il-Primat Kattoliku Vincent Nichols fil-jum tas-16 t’Ottubru se jiċċelebra l-vespri flimkien mal-Primat Anglikan Rowan Williams f’Westminister Abbey, li hija l-Knisja Matriċi tal-Anglikaniżmu, il-Knisja fejn monarki Ingliżi ħadu l-ġurament tal-ħatra. Dan, fi kliem is-Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Ekumeniċi fi ħdan il-Konferenza tal-Isqfijiet kattoliċi, Mons Andrew Faley, “juri li l-Konferenza tal-Isqfijiet kattoliċi u l-Kamra tal-Isqfijiet fi ħdan il-Knisja Anglikana, għandhom rabtiet pożittivi”. Id-djalogu bejn iż-żewġ naħat huwa ħaj. Isqfijiet Kattoliċi u Anglikani huma f’koperazzjoni bejniethom sabiex ixerrdu l-messaġġ nisrani fl-Ingilterra u Wales, li bħalissa qed jiffaċċja kultura qawwija ta’ sekularizzazzjoni.