Huwa u jindirizza lill-Ministri tas-Summit tal-G7 dwar l-Inklużjoni u d-Diżabbiltà, fil-Vatikan illum, il-Papa Franġisku esprima gratitudni kbira għall-impenn tagħhom biex jibnu dinja iktar ġusta u inklużiva.
L-udjenza nżammet fi tmiem Summit ta’ tlitt ijiem fir-reġjun tal-Umbrija li għalaq ilbieraħ bl-iffirmar tal-Karta ta’ Solfagnano. Dan it-test jesprimi impenn qawwi b’risq l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, u jpoġġi tmien prijoritajiet biex jiżgura s-sehem sħiħ tagħhom fil-ħajja soċjali, politika u ekonomika.
Dawn il-prinċipji, qal il-Papa, mhux biss jaqblu mal-viżjoni tal-Knisja dwar id-dinjità umana, imma huma wkoll fundamentali biex tissawwar soċjetà li tivvalorizza kull individwu bħala parti mill-familja universali tal-bnedmin.
Imbagħad hu qasam aneddotu: “Darba, jien u nitkellem dwar persuni b’diżabbiltà, xi ħadd qalli: ‘Attent, għax kollha kemm aħna għandna [xi diżabbiltà]’. Kollha kemm aħna. U huwa veru”.
Prijorità globali
Fid-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tipprijoritizza l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, u fakkar lil dawk kollha preżenti li d-dinjità tagħhom daqs ta’ ħaddieħor għandha tkun rikonoxxuta universalment.
“Biex noħolqu dinja inklużiva”, innota, “jeħtieġ mhux biss li nadattaw strutturi imma wkoll nibdlu l-imħuħ”, u sejjaħ għal aċċessibbiltà universali, li tiżgura li kull ħajt fiżiku, soċjali, kulturali u reliġjuż jitneħħa biex l-individwi jistgħu jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jikkontribwixxu b’risq il-ġid komuni, hi x’inhi l-fażi ta’ ħajjithom.
Lejn il-ġustizzja
Il-Papa Franġisku mbagħad kompla jisħaq li għandhom jiġu pprovduti s-servizzi u l-faċilitajiet għal persuni b’diżabbiltà għax dan mhuwiex biss att ta’ għajnuna soċjali, imma wkoll ta’ ġustizzja. Qal li l-pajjiżi kollha għandhom ir-responsabbiltà li joħolqu komunitajiet inklużivi li jippromovu l-iżvilupp integrali ta’ kull persuna.
Tenna l-importanza vitali li jiġu offruti opportunitajiet għal impjieg dinjituż u s-sehem f’avvenimenti kulturali u sportivi, u wissa li l-esklużjoni ta’ xi ħadd minn dawn l-oqsma hi “forma gravi ta’ diskriminazzjoni”.
It-teknoloġija hi għodda
Il-Papa saħaq fuq ir-rwol tat-teknoloġija biex ikun hemm iktar inklużjoni, u qal li għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Imma fl-istess ħin wissa li t-teknoloġija għandha tintuża b’mod għaqli, biex tqassar in-nuqqas ta’ ugwaljanza u mhux tkabbru. “It-teknoloġija għandha tiġi indirizzata lejn il-ġid komuni”, qal, “u mqiegħda għas-servizz ta’ kultura ta’ laqgħa u solidarjetà”.
Żmien ta’ kriżi
Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku aċċenna għall-kriżijiet umanitarji urġenti li qed jaffettwaw tant ħażin lill-aktar vulnerabbli, fosthom persuni b’diżabbiltà. Enfasizza l-bżonn ta’ sistema unita ta’ prevenzjoni u rispons f’każi ta’ emerġenza, maħduma għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni b’diżabbiltà, biex tiżgura li ħadd ma jitħalla barra fi żminijiet ta’ kunflitt jew diżastri naturali.
Fl-aħħar nett, irrifletta fuq l-ispirtu ta’ San Franġisk ta’ Assisi biex ħeġġeġ lill-parteċipanti tal-G7 ikomplu bil-ħidma tagħhom b’sens ta’ tama u impenn. “Flimkien”, għalaq, “nistgħu nibnu dinja fejn id-dinjità ta’ kull persuna tiġi rikonoxxuta u rrispettata b’mod sħiħ”.
Sors: Newsbook Malta