• Nhar l-Erbgħa 3 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mal-Kappillani, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena. Il-purċissjoni bdiet mill-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina sal-Katidral, fejn il-Kappillani għaddew mill-Bieb tal-Ħniena, u wara saret iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. 
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     
    Il-Katidral tal-Imdina
    3 ta’ Awwissu 2016
     
    Il-karba tal-mara Kangħanija hija karba li ħafna drabi toħroġ mill-qalb tagħna meta għarkubbtejna quddiem il-Mulej, inkunu mgħobbija b’xi problema li għalina m’ghandhiex soluzzjoni. “Ħenn għalija, Mulej Bin David, binti għandha fiha xitan u magħdura ħafna” (Mt 15, 22). Għaliex jekk inħarsu lejn il-komunitajiet tagħna ħafna drabi ppjagati bil-pika, bl-għira, bil-ġlied tal-imħuħ tal-kukkudrilli inti jkollok tgħid: ‘maħkuma minn spirtu ħażin li aħna nagħmlu xi ħaġa għall-glorja t’Alla, imbagħad tisfa kollha propju suf jew inkella fix-xejn’. Meta ingergru ma’ Alla fuq il-problemi li joħolqulna l-festi, il-partiti, u l-piki ma ngħidulux: ‘ħenn għalihom” imma bħal din il-mara Kangħanija ngħidulu: “Ħenn għalina. Aħfirielhi, neħħihuli minn quddiemi dan il-kalċi, ħenn għalija, Mulej Bin David”.
     

    Is-silenzju mbarazzanti tal-Mulej

    Aħna u ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena llum, inġorru magħna l-komunitajiet tagħna: intom il-komunitajiet ta’ kull wieħed minnkom, u jiena lilkom u lid-Djoċesi. Ħafna drabi rrid nammetti li lill-Mulej ngħidlu: “ħenn għalija” meta nara xi biċċa nkwiet ġejja li m’għandiex soluzzjoni. Irrid nammeti wkoll li bħalkom ħafna drabi ngħaddi mill-esperjenza tas-silenzju mbarazzanti tal-Mulej: iżda Hu ma weġibiex kelma. Ejjew nammettu li ħafna drabi aħna wkoll irridu ngħaddu minn dan it-tunnel. Mgħobbijin bl-isfidi li ġġib is-sejħa tagħna li nkunu ragħajja, aħna nitolbuh bil-ħerqa biex iħenn għalina għax il-poplu tagħna mfixkel. Il-kelma xitan huwa dak li jagħmel it-tfixkil, iġib l-iskandlu, u dak li jġib il-mibegħda u l-firda – għalhekk shaitan (bl-Għarbi) imma anke diabolos (bil-Grieg), ‘dak li jġib il-firda’. Għax dawk huma l-hallmarks tax-xitan: l-għira, il-mibegħda u l-firda u l-akkuża, speċjalment il-kalunnja. Imbgħad immorru quddiem il-Mulej u nsibu ħajt, insibu s-silenzju.
    Aħna wkoll ħafna drabi lill-Mulej ngħidulu biex jagħtina soluzzjoni malajr għaliex il-piż inħossuh wisq. “Eħles minnha għax ġejja tgħajjat warajna” (Mt 15, 23). Dik it-talba tad-dixxipli kultant tkun ukoll it-talba tagħna: ‘jekk mhux għal wiċċek, Sinjur, għal wiċċna, għax ġejja tgħajjat warajna. Lilek tista’ ddejqek kemm trid, imma lilna le’. Il-Mulej jerġa jagħtihom risposta tal-ħajt: “ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel” (v. 24). Checkmate.
     

    Il-Pastorali tal-Ġriewi

    X’qed ngħid?  Hija, kif nafu, hija risposta paradossali, biex jgħidilhom: ‘isma jien lil din mhix tal-partit tagħna; jiddispjaċini ma nistax naqdieha, m’għandhiex tessera’. Aħna ngħidu: ‘imma Ġesù verament jirraġuna hekk?’. Aħna qegħdin fil-Kapitlu 15 ta’ San Mattew meta l-missjoni ta’ Ġesù żviluppat ħafna, mhux fil-bidu meta Ġesù għadu mhux qed jara, huwa test ieħor li jgħaddina minnu. Ħafna drabi l-mistoqsija ta’ Ġesù għandha ġġagħlna naħsbu: il-pastorali tagħna hija għal min għandu t-tessera biss? Il-Papa Franġisku għandu ħafna tixbihat li jkellmuna fuq l-għeluq tas-sikurezza, l-ambjenti fejn ir-risposti kollha miktubin, l-ambjenti li inti għandek kollox miktub u lest, li huwa ambjent ta’ sikurezza imma sikurezza falza. Aħna tat-tessera biss? Għal ta’ madwarna biss?  Għal dawk ‘tad-dar ta’ Israel’ biss?
    Ġesù jibqa’ jinsisti li dak li se jagħti jew li titolbu l-mara, u anke d-dixxipli biex jeħilsu minn ksur il-għonq, huwa “ħobż li jingħata lill-ġriewi”. “Hekk hu Mulej, hekk hu” (v. 27) . L-umiltà ta’ din l-omm turina kif ikollna wkoll aħna qalb umli ta’ ragħaj. L-umiltà ta’ din l-omm: ‘Iva, Mulej, naf li mhumiex perfetti, naf li meta jarmaw l-istatwi tal-Madonna u tal-anġli, iniżżluhom bid-dagħa, naf li dawk qatt ma jiġu l-Knisja, imma jżeffnu lill-qaddisin’. “Anke il-ġriewi jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tas-sidien tagħhom”. “Mara l-fidi tiegħek kbira, ħa jsirlek kif tixtieq” (v.28).
    L-istedina tiegħi lilkom, u nagħmilha lili, hija li aħna qatt ma nieqfu nitolbu lill-Mulej il-ħniena, nitolbu l-ħobż għal dawk li huma mbegħdin mill-mejda, għal dawk li faċli tiġġudikahom – imma ngħiduha kif inhi, mingħajrhom il-festa ma ssirx, mingħajrhom il-ġbir ma jsirx. Aħna faċli ngħidu: u dan l-intrigu xi rridu jien? Mhux aħjar il-pastorali?  Tistà ssejħilha ‘l-pastorali tal-frak’ jew il-‘pastorali tal-ġriewi’. Min jien biex ngħid li min għandu t-tessera kollha bl-istilel, jew il-copybook mimli bl-istars? Illum ma nafx l-għalliema x’jgħamlulhom, imma fiż-żmien, l-għalliema kienet tagħtik star jekk ikun tajjeb, il-homework iġġibu sew, jew tikkupjah, waħda minnhom. Dawk biss għandhom dritt jippreżentawlna l-pitazz?
     

    Aħna lkoll imsejħin għall-martirju tal-imħabba

    San Ġwann Marija Vianney jgħallimna triq oħra. Dan kien bniedem li wkoll ma tantx kiel mill-mejda tas-Seminarju jew għax ma kienx ilaħħaq magħha jew inkella fiż żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża il-lectures kienu comme ci comme ça. Kien is-saċerdot sempliċi bħalma kien Jacques Hamel. Min qatt sema’ bih qabel nhar it-Tlieta li għaddew? Ħadd! Anzi kien hemm għax kien supply, għax il-kappillan mar vaganza li lanqas nafu x’jismu. Dak kien hemm, ħa l-martirju mingħajr ma kien qed jistennih. Meta qam filgħodu dakinhar, ma ħasibx li kienet l-aħħar quddiesa li se jqaddes u lanqas biss ħaseb li se jħanxrulu għonqu waqt dik il-quddiesa. B’xi mod aħna rridu nitgħallmu anke mill-istorja ta’ tant saċerdoti – għax aħna minħabba li ġrat fi Franza din il-ħaġa nafuha sew u qed niskopru iżjed dettalji ta’ x’ġara. Pero ma ninsewx tant saċerdoti anke żgħażagħ li tqaddsu bl-istess mod waqt l-Ewkaristija fl-Iraq u fis-Sirja. Wieħed saċerdot żgħażugħ qatgħulu rasu fuq l-artal ukoll, propju waqt li kien qed iqaddes. ​Dawn huma l-kontemporanji tagħna, dawn huma aħna, għax huma mhumiex iżjed qaddisin minna imma aħna lanqas inqas minnhom għax aħna kollha mxappin fid-dnub, kollha kemm aħna, mill-kbir saż-żgħir, kollha midjunin mal-ħniena t’Alla. Imma kollha imsejħin ukoll għall-martirju tal-imħabba, għax il-martirju huwa xhieda.
    Fil-gazzetta The Tablet ħareġ rapport, li mhux suppost ħareġ, ta’ dak li l-Papa qal lill-Isqfijiet Pollakki. Kien rappurtat meta l-Papa jgħid li s-segretarji tal-parroċċi huma ‘qaddejja tax-xitan’. Issa jiena nispera li meta tmorru lura l-parroċċi u tiltaqgħu mas-segretarja li qed tgħinkom jew ma xi soru matura, jew inqas matura – oqgħodu attenti – tgħidilhiex li int ‘qaddejja tax-xitan’. Dik il-burokrazzija li aħna fil-parroċċi nagħmlu ħajt ta’ burokrazzija li tbiegħed lin-nies. L-appell tal-Papa għalina, anke għall-Isqfijiet, huwa li ma naqtgħux il-kuntatt dirett magħhom u anke permezz ta’ Dun Frans Abdilla. Bejnietkom, qegħdin tissapportjaw lil xulxin? Meta jkun hemm xi ħadd u tkun taf li għadda minn xi bawxata, mhux bilfors splodietlu l-ħażna tan-nar biss, mhux dik, taqbad it-telefon u ċċempel?  Hemm bżonn ħafna nissaportjaw lil xulxin.
     

    Is-saċerdot ma jmurx il-ġenna waħdu u ma jmurx l-infern waħdu

    Fil-Kolletta li mbagħad nitolbu fil-festa propju tiegħu għada, hemm dan l-abbinament: “il-kappillan, fuq l-eżempju ta’ San Ġwann Marija Vianney, jiġbed iżjed aħwa bl-imħabba ta’ Kristu u jissieħeb magħhom fil-ġenna”. Dak l-impenn u l-glorja tagħna li aħna –  kien hemm min jgħid: ‘saċerdot ma jmurx il-ġenna waħdu u ma jmurx l-infern waħdu’. Id-destin tremend tagħna! Is-saċerdot ma jmurx il-ġenna waħdu u ma jmurx l-infern waħdu. Għalhekk kemm għandna bżonn tal-ħniena t’Alla biex meta naslu, fejn naslu, mhux se nkunu weħidna, se nġorru lill-merħla tagħna magħna, allura destinazzjoni waħda: il-ġenna. L-infern ma kienx maħluq għalina, mhux ma mmorrux, imma l-infern ma kienx maħluq għalina. Ġesù jgħid: “l-infern li kien maħluq għal Satana u għall-anġli tiegħu”. Mhux għalina maħluq, kelma tal-Mulej. Aħna maħluqin għall-ġenna u mhux se mmorru waħedna.Mi raccomando, ma mmorrux kollha f’daqqa, u ngħidulu wkoll, nagħlaq bit-talba li nħobb ngħidlu: ‘meta trid, imma m’iniex mgħaġġel, meta trid, imma m’iniex mgħaġġel. “Mara, il-fidi tiegħek kbira, ħa jsirlek kif tixtieq”. Kappillan, Arċipriet, Sur Isqof, il-fidi tiegħek kbira għalkemm midneb, ħa jsirlek kif tixtieq.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja