Mill-folla jinstema’ leħen li jbierek is-sider ta’ Marija u l-ġuf tagħha. Ġesù, dan il-kliem japprezzah, kliem ta’ ġieħ lill-omm li ġabitu fid-dinja, imma japprezza wkoll f’ommu l-ubbidjenza lejn il-Kelma ta’ Alla. “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Dawn il-kliem jiġbru l-ħajja ta’ Sidtna Marija, l-ispiritwalità tagħha, l-eżempju tagħha għalina. “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Tgħidlu hekk, xebba rżina ta’ madwar sittax-il sena, meta tilqa’ l-proposta li ssir omm Alla; tgħidlu hekk taħt is-salib ta’ Binha – “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38). Tgħidlu hekk fit-tlugħ fis-sema tiegħu; tgħidlu hekk fil-misteru ta’ Għid il-Ħamsin, miġbura madwar l-appostli.

Aħna, llum, aħna u niċċelebraw il-fidi tal-Knisja, persważi li tgħidlu hekk ukoll fil-misteru tat-tlugħ fis-sema tagħha bir-ruħ u l-ġisem. “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Għax il-kelma li l-Mulej jgħid fuq ommu llum hija kelma speċjali li tagħraf il-qdusija tal-Omm bir-ruħ u l-ġisem, imma wkoll tagħtina sinjal ta’ tama: dak li qed nagħmel ma’ ommi jiġri ma’ kull wieħed u waħda minnkom fil-milja taż-żminijiet.

Il-qabar vojt li aħna nqimu f’Ġerusalemm, kemm għal Binha u kemm għall-Omm, huwa qabar li ma rax it-taħsir. Huma żewġ oqbra speċjali ta’ Sidtna Marija, li huwa vvenerat taħt l-Għolja taż-Żebbuġ. Hi tradizzjoni antika, li mill-oqbra ma ħarigx dak li aħna nassoċċjaw mat-taħsir tal-ġisem; it-tradizzjoni antika titkellem mill-fwieħa tar-rebħa fuq il-mewt. Aħna llum, meta nħarsu lejn il-qabar vojt ta’ Sidtna Marija, niftakru fil-qabar vojt ta’ Binha, u nifhmu li qed tissieħeb fil-misteru kbir tal-qawmien ta’ Binha mill-imwiet. Allura niġġeddu, nitqawwew fil-fidi tagħna, fil-qawmien mill-imwiet ta’ dawk kollha li raqdu fi Kristu, u nitolbu li meta jmiss lilna, mhux għax aħna mgħaġġlin, imma meta jmiss lilna, il-Mulej jgħaddina minn dak il-bieb ta’ glorja li huwa kapolavur tal-ħniena tiegħu.

Aħna, llum, ningħaqdu ma’ Marija, u bil-kliem tagħha nfaħħru lill-Mulej li “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48), u “għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49). Il-ġenerazzjonijiet kollha, inkluż aħna, infaħħru lil Alla, imma wkoll insejħulha hienja. Hienja int Marija, l’int il-qaddejja ubbidjenti għall-Kelma ta’ Ibnek, li tgħidlek bħal-lum: ‘Ma, ejja miegħi fis-Saltna tal-Glorja; idħol fil-hena ta’ Sidek, li huwa Ibnek’. Il-Missier, jilqagħha bħala bintu; l-Ispirtu s-Santu jħaddanha bħala l-għarusa safja tiegħu. Waqt li qegħdin infakkru t-48 anniversarju mill-inkurunazzjoni tax-xbieha qaddisa tal-kwadru titulari, ejjew ningħaqdu f’din ix-xewqa li aħna nimitaw lill-Madonna skont l-istat u l-vokazzjoni tagħna. Hawn jien il-qaddej/il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!

Bħal daż-żmien, għax fil-fatt kien f’Ġunju 400 sena ilu, il-predeċessur tiegħi, Baldassare Cagliares, iddeċieda li fiċ-Ċittadella jerġa’ jinġabar grupp ta’ saċerdoti li jassiguraw li minn dan il-post, minn din l-għolja li minn dejjem kienet abitata, u li għaddiet minn mumenti ta’ ferħ kif ukoll minn ta’ niket, jerġa’ jidwi t-talb tas-saċerdoti magħquda flimkien; li jibqgħu jitwettqu l-obbligi ta’ legat ta’ quddies, ta’ talb; li bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, aħna nittallbuha kontinwament.

It-talba tiegħu hija li din ix-xewqa tal-predeċessur tiegħi, li ġiet ikkonfermata mis-Santa Sede ftit snin wara fl-1663, tkun ukoll il-futur ta’ dan il-Katidral illum, mill-1864, u li s-saċerdoti li jinġabru hawn biex jitolbu, ikunu wkoll xhieda ta’ ħajja rżina, ta’ dedikazzjoni, ta’ qdusija, tax-xenqa ta’ kull wieħed u kull waħda minna għall-qawmien għall-ħajja.

Sidtna Marija hija mbierka fir-ruħ u fil-ġisem għaliex kienet meħlusa mit-tnissil tagħha minn kull tebgħa tad-dnub. L-‘iva’ tagħha kienet dejjem ‘iva’ ta’ mħabba. Hekk inkunu bla tebgħa quddiemu fl-imħabba, bħalma jgħallimna l-Appostlu Missierna San Pawl. Aħna wkoll imsejħin biex inkunu bla tebgħa bħalha. Aħna m’aħniex imħarsa mid-dnub bħalma kienet hi fil-misteru tal-Kunċizzjoni Immakulata tagħha, imma aħna meħlusa mid-dnub bil-fidwa li ġabilna l-Mulej. Imma l-ħarsien u l-ħelsien għandhom l-istess għajn; huma l-merti ta’ Binha Ġesù fuq is-salib, il-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja.

Ejjew nitolbu li s-sagrifiċċju tal-Quddiesa, li ilu jiġi ċċelebrat f’dan il-post għal mijiet ta’ snin, jibqa’ jfakkarna fil-vokazzjoni tagħna, li ningħataw lil xulxin, li nkunu bla tebgħa quddiemu fl-imħabba, bħalma kienet Ommu Marija. Aħna u nitolbu l-interċessjoni tal-Madonna fuq il-Kapitlu tal-Katidral, fuq il-gżira Għawdxija, fuq din id-Djoċesi għażiża, nitolbu wkoll il-barka ta’ Sidtna Marija fuq il-gżejjer Maltin. Bħalma qal Mons. Arċipriet fl-innu sabiħ li ssellmu lill-Madonna bħala l-Patruna tal-gżejjer Maltin, u jixhdu fil-fatt li fil-gżejjer Maltin għandna densità inkredibbli ta’ knejjes u kappelli kbar u żgħar iddedikati lill-Assunta. Hija devozzjoni antikissima fil-gżejjer Maltin. Hija xhieda tal-fidi tal-poplu ta’ Alla li, meta jħares lejn l-Omm, jara fiha dik il-kewkba li tiddi fid-dlam tal-ħajja, dik l-iStella Maris, dik il-Kewkba, li meta l-maltemp iħabbat, jagħtina kedda, inħarsu lejha, u nsibu t-triq. Ejjew nitolbu bl-interċessjoni ta’ Marija biex kull minn għaddej minn xi diffikultà fil-ħajja, iħares lejha u jiftakar fil-kelma tagħha: Hawn jien il-qaddejja/il-qaddej tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!