Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek,” (Lq 1:28). It-tislima tal-Arkanġlu Gabriel titnissel fuq fommna fit-talba tar-Rużarju: Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek. Din it-tislima li aħna nlissnu għal ħamsin darba; hija tislima li tingħata wkoll lill-komunità li tiskopri Alla kemm iħobbha: Sliem għalik, il-Mulej miegħek,” (Lq 1:28). Il-komunità hija mimlija bil-grazzja għax hi mħaddna mill-ħniena tal-Mulej. Fil-każ tal-Verġni Marija, aħna nemmnu li ‘mimlija bil-grazzja’, hi proprju mill-bidu tal-eżistenza tagħha, fil-ġuf ta’ ommha Anna; mit-tnissil tagħha bla tebgħa. Hi kienet mimlija bil-grazzja b’mod sublimi, eċċezzjonali, uniku u singulari.

Bernadette Soubirous kompliet tinsisti mal-Madonna fuq l-ordni tal-kappillan tar-raħal biex tkun taf x’jisimha. Dik id-dehra, li għal ħafna ġimgħat u ġranet, Bernadette kienet tibqa’ tindika: Aquerò – dik ix-xi ħaġa hemmhekk. Fil-25 ta’ Marzu, imbagħad qaltilha: ‘Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni’. Jiena l-imnissla mingħajr tebgħa. Ma kinitx biss konferma fl-1958, ta’ dak li l-Papa kien ikkonferma ftit snin qabel fl-1954, imma kienet ukoll rikonoxximent ta’ dak kollu li l-Mulej għamel magħha: “Il-Mulej għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu,” (Lq 1:49). Dik kienet imħarsa mid-dnub. Aħna meħlusa mid-dnub; imma lkoll kemm aħna midjunin mal-fidwa li ġab l-iben tagħha, li fl-Evanġelju ta’ llum, jitnissel fil-ġuf tagħha. “Ara, il-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek… għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir,” (Lq 1:37).

Din it-tarbija tissejjaħ bin David, u l-Anġlu Gabriel lil Marija jgħidilha, li din it-tarbija se ssaltan: “Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu,” (Lq 1: 31-32). Fi kliem ieħor inti qed tnissel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ġuf tiegħek sultan. Wara kollox, din kienet ukoll il-kelma li ssammret mal-għuda tas-Salib: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud,” (Lq 23:38). Dak id-destin ta’ Ġesù, ta’ iben Marija, u li kienet ukoll il-Glorja tiegħu, għaliex is-saltna tiegħu kienet ta’ dak li jinżel biex jaħsel is-saqajn. Is-saltna ta’ min hu qaddej. Ommu ingħatat il-grazzja li tifhem din il-ħaġa, u tikkonfermah fil-kelmiet tagħha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek,” (Lq 1:38).

Nistgħu ngħidu li r-rakkont li għadna kemm smajna ta’ din il-laqgħa bejn Gabriel, mibgħut minn Alla; għax kollox bl-inizjattiva tal-Mulej, jagħtina wkoll ir-risposta tal-umanità, li hija mwieżna, megħjuna mill-ħniena u l-grazzja ta’ Alla. Fl-aħħar, aħna sibna lil xi ħadd fostna li kien kapaċi jgħidlu ‘iva’. Għax aħna ħajjitna u l-istorja tagħna hija dalma u sensiela ta’ hemm. Jiena jaffaxxinawni t-trabi u ċkejknin, li jgħidu ‘le’ b’insistenza kbira lill-ġenituri tagħhom. Donnhom l-ewwel jitgħallmu jgħidu ‘le’, biex imbagħad jitgħallmu jgħidu ‘iva’. Din il-ħaġa taffaxxinani li l-ewwel ngħidu ‘le’, min irabbi jaf x’irrid ngħid; imma nnutajtha fin-neputijiet, fit-tfal ta’ ħuti. Misteru kbir, kif l-ewwel mod, kif jiena ngħid: isma’ jiena għandi opinjoni differenti, togħmiet differenti, gosti differenti. ‘Le!’ Donnu l-ewwel nitgħallmu ngħidu ‘le’, biex imbagħad nibdew nitgħallmu ngħidu ‘iva’. Fl-aħħar f’Sidtna Marija, sibna lil xi ħadd, li wara ħafna lejiet qal iva. “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). F’dak li għalina jista’ jkun jasar, wara kollox il-kelma ‘qaddej’ jew ‘qaddejja’, kienet spiss kelma li fiż-żmien li nkiteb l-Evanġelju, kienet tintuża wkoll għall-iskjavi – ‘doula’ jew ‘doulos’- il-qaddej li huwa skjav, is-seftur. Dik il-kelma tindika libertà kbira. Dan huwa misteru kbir. 

Aħna nsibu l-libertà tagħna, meta nsiru qaddejja: qaddejja ta’ xulxin, qaddejja tal-komunità, qaddejja ta’ Alla. Din hija xi ħaġa li jiena Fr Bertrand, għażiż kappillan, nawguralek: li inti, li aħna nafuk bħala s-seftur tal-marid, tal-batut u tal-aħwa, il-qaddej, l-ilsir bid-daħk u bit-tbissima, dan il-poplu għażiż ikompli jsibek qaddej. Li ssib il-libertà tiegħek fl-għotja ta’ ħajtek, tiegħek innifsek. Għax aħna nissallbu mal-Mulej iżjed ma nikbru f’dan il-qadi.

Jalla f’Sidtna Marija, li lil Bernadette Soubirous ma wegħdithiex ħafna glorja, pjaċiri, u għana f’din id-dinja. ‘Jiena nista’ noffrilek il-ġenna’. Hekk għamel ukoll binha Ġesù minn fuq is-salib, lill-ħalliel li qallu: “Ftakar fija Sinjur, meta tkun fis-saltna tiegħek”. Fuq is-salib ukoll terġa’ tissemma s-saltna; mhux biss fil-kundanna, imma wkoll fil-kelma tal-ħalliel. “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Lq 23:42). X’qallu Ġesù? Qallu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-ġenna miegħi,” (Lq 23:43). Jalla aħna u naqdu lil xulxin, din il-familja li hija l-parroċċa, nixxenqu għal dik l-imħabba li jagħtina l-Mulej, fejn aħna nsibu lil xulxin, lill-maħbubin tagħna, l-imħabbiet ta’ ħajjitna fil-Mulej u x’jiġik f’moħħok, imma trasformat; mgħammdin fil-ħniena tiegħu. Jalla inti, għażiż kappillan, tkun dak li inti fit-toroq ta’ din il-parroċċa, twassal il-kariżma Franġiskana: tal-paċi u l-ġid – pax et bonum, tal-kelma ta’ fratellanza, tal-manswetudni, tal-ħniena, tal-umiltà. Agħti xhieda meta jkun hemm bżonn tippriedtka, imbasta mhux fit-tul.     

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I:
 Gal 3:7-14
Salm:
 9:2-3,6 u 16:8-9
L-Evanġelju: Lq 11:15-26

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Aktar ritratti