Xprunata mill‑aħbar tal‑mewt traġika ta’ Miriam Pace, fit‑13 ta’ Marzu 2020, f’waħda mill-istqarrijiet tagħha, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tenniet dak li kienet qalet fi stqarrijiet oħra qabel, jiġifieri, li kien “wasal iż‑żmien li l‑awtoritajiet juru biċ‑ċar fejn huma l‑prijoritajiet tagħhom u, b’kuraġġ, jieħdu d‑deċiżjonijiet diffiċli li messhom ilhom li ttieħdu. Minkejja li jistgħu jkunu skomdi għal xi wħud, dawn id‑deċiżjonijiet jagħmlu ġieħ lill‑maġġoranza assoluta tal‑popolazzjoni. Il‑memorja ta’ Miriam Pace u ta’ dawk kollha li b’xi mod spiċċaw vittma tal‑industrija tal‑bini ma jixirqilhomx inqas minn hekk”.
B’xorti ħażina din it‑traġedja ma kellhiex tkun l‑aħħar waħda qabel naqilbu folja ġdida. L‑għeluq ta’ dan il‑kapitlu ikrah fl‑istorja tal‑industrija tal‑kostruzzjoni f’pajjiżna kien għadu fil‑bogħod. F’temp ta’ erba’ xhur il‑lista ta’ fatalitajiet fuq il‑lant tax‑xogħol kompliet tiżdied b’mewt fl‑Imġarr f’April, oħra f’Ħaż‑Żabbar f’Ġunju, u issa oħra f’ Bormla f’dan ix‑xahar. Kważi mewta kull xahar!
Il-KA tixtieq tawgura fejqan ta’ malajr lill-ħaddiem l-ieħor li weġġa’ f’dan l-istess inċident. Fl-istess ħin tingħaqad ma’ diversi assoċjazzjonijiet u ċittadini li kemm‑il darba wrew l‑għadab tagħhom quddiem in‑nuqqas ta’ rispett lejn il‑ħajja u lejn id‑dinjità umana li teżisti f’din l‑industrija. Il-KA tappella lill-awtorijiet sabiex jitħaffu kemm jista’ jkun il-proċeduri biex issir ġustizzja ma’ kull min bata xi tip ta’ konsegwenzi b’dak li ġara. Fuq kollox tħeġġiġhom ukoll biex b’mod immedjat, konkret u deċiżiv, iniedu l‑kontrolli meħtieġa sabiex dan il‑kapitlu mdemmi — li jagħmlilna għajb bħala pajjiż li għadu jħaddan il‑valur tal‑ħajja — jingħalaq darba għal dejjem.