L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“L-‘Iva’ li ħarġet mill-Qalb tiegħek feħet il-bibien tal-Istorja għall-prinċep tas-Sliem.” Din is-sentenza hi meħuda mit-talba ta’ Konsagrazzjoni lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija li l-Papa Franġisku fassal għal din il-ġurnata u se jgħid illejla fil-Bażilka ta’ San Pietru. U din is-sentenza tfisser tant tajjeb din il-festa speċjali li qed niċċelebraw illum.

Illum niċċelebraw it-Tħabbira tal-Mulej, li hu disa’ xhur qabel il-Milied – bħal-lum disa’ xhur il-festa tal-Milied, 25 ta’ Diċembru. U llum, 25 ta’ Marzu, disa’ xhur qabel, qegħdin niċċelebraw l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, il-bidu tal-ħajja umana ta’ Ġesù. It-tnissil ta’ Ġesù llum hu l-bidu tal-ħajja umana tiegħu. Għalhekk hi festa għażiża ħafna u festa kbira.

Jekk naraw dar-rakkont sabiħ mill-Evanġelju skont San Luqa, nistgħu nifhmu xi tfisser din il-festa meta għandna lil Anġlu Ġabrijel li jħabbat fuq il-bieb ta’ Marija, u hi tiftaħlu. Ir-rakkont juri li dan kien don ta’ Alla lil Marija. Għalhekk isejħilha “mimlija bil-grazzja”. Mhux għax Marija ħadmet hi biex issir Omm Alla, jew kien riżultat tal-inizjattiva tagħha jew tal-isforzi tagħha biex issir Omm Alla; imma kien Alla, permezz tal-anġlu, li bagħat dan il-messaġġ li juriha li dan hu don li qed jagħtiha Alla lil Marija.

Marija għarfet li hi l-qawwa ta’ Alla li ssostniha. Mhijiex il-kapaċità tagħha bħala persuna, imma hi l-qawwa ta’ Alla.

Hi taċċetta. Meta l-anġlu jiġi u jagħtiha dan il-messaġġ mingħand Alla, hi taċċetta, u tgħid ‘iva’. Anke jekk mhux kollox fehmet, anke jekk baqgħet l-inċertezza tal-futur, imma tgħid ‘iva’ għax għarfet li din ġejja minn Alla. Il-Papa Franġisku għandu silta sabiħa ħafna fid-dokument tiegħu fuq iż-żgħażagħ, fejn jgħid: “Il-qawwa tal-‘iva’ ta’ Marija, żagħżugħa, dejjem timpressjona” (Christus vivit, 44). Għax mhijiex ‘iva’ li tgħid “u iva, issa naraw x’jiġri!” Jgħid il-Papa: mhijiex ‘iva’ li hi rassenjata, passiva. Imma hi ‘iva’ determinata għax qed tagħraf li din ġejja minn Alla. Għalhekk tgħidlu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minn skont kelmtek”.

U nafu li Marija mhux hawn biss qalet hekk, imma ħajjitha kollha għexet dak li tgħid hawnhekk “jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Anke meta ma setgħetx tara l-affarijiet ċari, anke fl-aktar mumenti ta’ tbatija, baqgħet tgħidha din. Marija għarfet li hi l-qawwa ta’ Alla li ssostniha. Mhijiex il-kapaċità tagħha bħala persuna, imma hi l-qawwa ta’ Alla. Fil-fatt, l-Anġlu Gabrijel l-isem tiegħu jfisser “il-qawwa ta’ Alla”. Alla hu l-qawwa tiegħi. Dak hu li Marija fehmet, u dik kienet l-esperjenza tagħha. Dak hu li tgħallimna wkoll għall-ħajja tagħna, biex aħna wkoll infittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna, konvinti li hu Alla li jsostnina bil-qawwa tiegħu. Niftakru li dak hu l-parir li tat lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”, u l-parir li tagħti lilna wkoll frott l-esperjenza tal-ħajja tagħha.

Nitolbu llum lill-Marija b’talba li l-Papa Franġisku għamel fit-tmiem it-Talba ta’ Konsagrazzjoni: “O Mara tal-‘iva’, li fuqek niżel l-Ispirtu s-Santu, reġġa’ fostna l-armonija ta’ Alla. Aqta’ l-għatx tal-qalb tagħna, int li int ‘għajn ħajja tat-tama’. Int li nsiġt l-umanità ta’ Ġesù, agħmel minna bennejja tal-komunjoni. Int li mxejt fit-toroq tagħna, mexxina tul il-mogħdijiet tas-sliem.”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju