L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Għandna llum fl-Evanġelju storja ta’ tnejn min-nies – wieħed Fariżew u l-ieħor Pubblikan. It-tnejn kienu jemmnu f’Alla, it-tnejn kienu jmorru t-tempju, imma t-tnejn kellhom attitudni differenti li kienet toħroġ ċara ħafna fit-talb tagħhom. Tajjeb li naraw x’jgħallmuna t-tnejn li huma għal ħajjitna.
Ftaħir u tmaqdir
Ħa nħarsu lejn il-Fariżew. Fit-tempju jagħmel talba li qisha ringrazzjament lil Alla. Imma dan ir-ringrazzjament mhuwiex ħiereġ minn qalb sinċiera li tagħraf dak li Alla għamel miegħu. Hi biss opportunità biex jitkabbar, jiftaħar kemm hu tajjeb. Fi kliemu, jagħmel ħafna aktar minn dak li hu rikjest minnu, ara kemm hu tajjeb! Il-Fariżew jersaq lejn Alla mhux b’sens ta’ gratitudni lejh imma qisu li dak li għamel għamlu kollu bil-ħila tiegħu. Kważi kważi qed jistenna minn Alla li jibda jfaħħru hu wkoll u jħallsu tat-tajjeb li għamel.
Imma l-kliem tiegħu – u dan huwa agħar – mhuwiex biss ftaħir. Hu wkoll disprezz tal-oħrajn: “Jien m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin… jew ukoll bħal dan il-pubblikan” (Lq 18:11). Jiftaħar bih innifsu, u jikkundanna lill-oħrajn.
Umiltà u fiduċja
Ħa nħarsu lejn ir-raġel l-ieħor li hemm fit-tempju. Dan hu pubblikan, jiġbor it-taxxi. Fi żmien Ġesù, min kien pubblikan kien ikkunsidrat midneb, u ħafna drabi n-nies kienu jħarsu lejh b’mod ikrah. Dan il-pubblikan ukoll jidħol fit-tempju u jitlob b’umiltà, b’onestà u b’konvinzjoni li hu Alla li jrid isalvah. Iħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jiena midneb” (Lq 18:13). Il-pubblikan kien jemmen li hu Alla li jista’ jsalvah. Proprju l-kontra tal-Fariżew.
L-istorja tispiċċa bil-ġudizzju ta’ Ġesù: “Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (Lq 18:14).
Hawn għandna messaġġ importanti ħafna għalina llum. Ġesù mhux qed iqabbel min jemmen ma’ min ma jemminx. Dawn tnejn min-nies li jemmnu. Qed iqabbel l-attitudni ta’ tnejn min-nies li jemmnu. X’nitgħallmu għal ħajjitna minn din il-parabbola?
Alla hu li jsalvana
L-ewwel nett: Alla hu dak li jsalvana. Ħadd ma jista’ jsalva lilu nnifsu. M’aħniex aħna li għax tajbin, bil-merti tagħna, nattiraw lil Alla biex isalvana. It-tajjeb jiġi minn Alla. Hu jagħtina kull ġid. Għalhekk għandna nersqu lejh b’sens ta’ rikonoxxenza u gratitudni għall-ġid li jagħmel magħna, u ngħixu b’din il-konvinzjoni.
Nagħrfu li nonqsu u nitolbu maħfra
Nersqu lejn Alla wkoll b’talba ta’ maħfra għan-nuqqasijiet tagħna. Kultant jista’ jiġri li nagħlqu għajnejna għall-ħażen jew li niġġustifikaw lilna nfusna. Hemm din it-tendenza kultant illum: li flok ngħidu li ħaġa ħażina, ngħidu li hi stil differenti ta’ ħajja. Għalhekk aħna u nħarsu lejn il-pubblikan, nitgħallmu li għandna nagħrfu – bħalma għamel hu – li nonqsu u nitolbu maħfra.
Fil-bidu ta’ kull quddiesa nagħmlu talba li tixbah ħafna dik tal-pubblikan: “Nistqarr ’l Alla li jista’ kollox u lilkom ħuti li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bl-għemil u billi ħallejt dmirijieti”. Ara x’differenza! Mhijiex lista tad-dnubiet tal-oħrajn – bħalma għamel il-Fariżew – imma stqarrija tad-dnubiet tagħna.
Ma niġġudikaw lil ħadd
B’din l-attitudni lejn Alla, aħna nagħrfu li ma għandna qatt niġġudikaw jew nikkundannaw lil ħaddieħor, jew immaqdru u nuru disprezz lejn ħaddieħor. Dak li hu ħażin jibqa’ dejjem ħażin, imma hu Alla li jiġġudika lill-bniedem. L-Evanġelju jgħid li Ġesù qal din l-istorja għax kien hemm xi wħud li waħħlu f’rashom li kienu nies ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn.
Lill-oħrajn mhux immaqdruhom għandna, imma nixtiqulhom il-ġid, u ngħinuhom biex huma wkoll jersqu lejn Alla li jsalvahom. Qalb mimlija bl-imħabba ta’ Alla dejjem ikollu attitudni ta’ mħabba u ta’ rispett sħiħ lejn l-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej biex ikollna attitudni ta’ fiduċja f’Alla, gratitudni lejh, umiltà u mħabba lejn l-oħrajn li nuruha fil-kliem tagħna, fit-talb tagħna, fl-imġiba tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju