Omm Qaddisa ta’ Alla! Din hi l-akklamazzjoni hienja tal-Poplu qaddis ta’ Alla, li dwiet mat-toroq ta’ Efesu fis-sena 431, meta l-Padri tal-Konċilju pproklamaw lil Marija Omm Alla. Dan hu fatt essenzjali għall-fidi, imma fuq kollox hi bxara mill-isbaħ: Alla għandu Omm u allura ntrabat għal dejjem mal-umanità tagħna, bħal iben mal-omm, sal-punt li l-umanità tagħna hija l-umanità tiegħu. Din hija verità tal-għaġeb u li tfarraġna, tant li l-aħħar Konċilju, iċċelebrat hawn, stqarr: “L-Iben ta’ Alla, meta sar bniedem, ingħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem. Hu ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, aġixxa b’rieda ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem. Imwieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbahna f’kollox barra mid-dnub” (Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 22). Dan hu li għamel Alla meta twieled minn Marija: wera l-imħabba konkreta tiegħu għall-umanità tagħna, billi ħaddanha miegħu tassew u b’mod sħiħ. Ħuti, Alla mhux bit-tpaċpiċ iħobbna, imma bil-fatti; mhux “mill-għoli”, mill-bogħod, imma “mill-qrib”, proprju minn ġewwa l-ġisem tagħna, għax f’Marija l-Verb sar laħam, għax f’sider Kristu għad hemm tħabbat il-qalb tal-laħam, u din tħabbat għal kull wieħed u waħda minna!
Omm Qaddisa ta’ Alla! Fuq dan it-titlu nkitbu tant kotba u trattati kbar. Imma dawn il-kelmiet daħlu fuq kollox fil-qalb tal-Poplu qaddis ta’ Alla, fit-talba l-iżjed familjari u tad-dar, li ssieħeb ir-ritmu tal-ġranet, il-mumenti tal-ikbar taħbit u t-tamiet l-iżjed qalbiena: is-Sliema. Wara xi frażijiet meħuda mill-Kelma ta’ Alla, it-tieni parti tat-talba fil-fatt tiftaħ hekk: “Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin”. Din l-invokazzjoni spiss immarkat il-jiem tagħna u ħalliet lil Alla joqrob, permezz ta’ Marija, lejn il-ħajjiet tagħna u lejn l-istorja tagħna. Omm Alla, itlob għalina midinbin: irreċitata fl-aktar ilsna differenti, fuq iż-żibeġ tal-kuruni tar-rużarju u fil-mumenti tal-bżonn, quddiem xbieha qaddisa jew mat-toroq, għal din l-invokazzjoni l-Omm ta’ Alla dejjem twieġeb, tagħti widen għat-talbiet tagħna, tberikna b’Binha f’dirgħajha, twasslilna l-ħlewwa ta’ Alla magħmul bniedem. Tagħtina, f’kelma waħda, it-tama. U aħna, fil-bidu ta’ din is-sena, għandna bżonn tat-tama daqskemm l-art teħtieġ ix-xita. Is-sena, li tiftaħ f’isem l-Omm ta’ Alla u tagħna, qed tgħidilna li l-muftieħ tat-tama hi Marija, u l-antifona tat-tama hi l-invokazzjoni Omm Qaddisa ta’ Alla. U llum nafdaw f’idejn l-Omm Imqaddsa l-maħbub Papa emeritu Benedittu XVI, biex timxi miegħu fil-passaġġ minn din id-dinja għal għand Alla.
Nitolbu lill-Omm b’mod speċjali għall-ulied li qed ibatu u ma għadx għandhom is-saħħa li jitolbu, għal tant aħwa milquta mill-gwerra f’tant partijiet tad-dinja, li qed jgħixu dawn il-jiem ta’ festa fid-dalma u għall-kesħa, fil-miżerja u fil-biża’, mgħaddsa fil-vjolenza u fl-indifferenza! Għal dawk kollha li ma għandhomx paċi nsejħu lil Marija, il-mara li ġabet fid-dinja l-Prinċep tas-sliem (ara Iż 9:5; Gal 4:4). Fiha, Sultana tal-paċi, isseħħ il-barka li smajna fl-Ewwel Qari: “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:26). Minn idejn ta’ Omm, il-paċi ta’ Alla trid tidħol fid-djar tagħna, fil-qlub tagħna, fid-dinja tagħna. Imma kif nagħmlu biex nilqgħuha?
Inħallu jagħtuna parir il-protagonisti tal-Vanġelu tal-lum, l-ewwel nies li raw lill-Omm bit-Tarbija: ir-ragħajja ta’ Betlehem. Kienu persuni foqra u forsi anki pjuttost goffi, u dak il-lejl kienu qed jaħdmu. Proprju huma, mhux l-għorrief u lanqas is-setgħana, għarfu l-ewwel lil Alla qrib, Alla li ġie fqir u jħobb joqgħod mal-foqra. Dwar ir-ragħajja l-Vanġelu jagħfas qabelxejn fuq żewġ ġesti sempliċi ħafna, imma li mhux dejjem huma faċli. Ir-ragħajja marru u raw. Żewġ ġesti: marru u raw.
Qabelxejn marru. It-test jgħid li r-ragħajja “marru jgħaġġlu” (Lq 2:16). Ma baqgħux weqfin. Kien il-lejl, kellhom il-merħliet tagħhom x’jieħdu ħsieb u żgur kienu għajjenin: setgħu jistennew sa filgħodu, jistennew ix-xemx titla’ qabel imorru jaraw Tarbija mimduda f’maxtura. Imma huma marru jgħaġġlu, għax quddiem il-ħwejjeġ importanti trid tirreaġixxi minnufih, u mhux toqgħod tħalli għal iktar tard; għax “il-grazzja tal-Ispirtu ma tħallix lil min jitlajja” (San Ambroġ, Kummentarju fuq San Luqa, 2). U hekk sabu lill-Messija, il-mistenni taż-żminijiet li tant nies kienu qed ifittxu.
Ħuti, biex nilqgħu lil Alla u l-paċi tiegħu ma nistgħux nibqgħu weqfin, ma nistgħux nibqgħu komdi nistennew li l-affarijiet jiġu għall-aħjar. Hemm bżonn inqumu, naħtfu l-okkażjoni tal-grazzja, immorru, nirriskjaw. Hemm bżonn nirriskjaw. Illum, fil-bidu tas-sena, flok noqogħdu naħsbu u nittamaw li l-affarijiet se jinbidlu, nagħmlu sew jekk nistaqsu: “Jiena, din is-sena, fejn irrid immur? Lejn min ħa nersaq biex nagħmel il-ġid?”. Ħafna, fil-Knisja u fis-soċjetà, qed jistennew il-ġid li int u int biss tista’ tagħmel, is-servizz tiegħek. U, quddiem l-għażż li jilluppjana u l-indifferenza li tipparalizzana, quddiem ir-riskju li nillimitaw ruħna għal li nibqgħu bilqiegħda quddiem skrin b’idejna fuq it-tastiera, ir-ragħajja llum qed jipprovokawna biex immorru, biex niċċaqilqu quddiem dak li qed jiġri fid-dinja, biex inħammġu jdejna ħa nagħmlu t-tajjeb, biex inwarrbu tant drawwiet u kumditajiet biex ninfetħu għall-ġdid ta’ Alla, li jinsab fl-umiltà tal-qadi, fil-kuraġġ li nieħdu ħsieb tal-oħrajn. Ħuti, ejjew nixbhu lir-ragħajja: immorru!
Xħin waslu, jgħid il-Vanġelu, ir-ragħajja “sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura” (v. 16). Imbagħad iżid li, “kif raw dan” (v. 17), mimlija bil-ferħ bdew jitkellmu dwar Ġesù mal-oħrajn u jsebbħu u jfaħħru lil Alla għal dak kollu li kienu semgħu u raw (ara vv. 17-18,20). L-iżvolta kienet xħin rawh. Importanti li naraw, inħaddnu bil-ħarsa tagħna, nintasbu, bħar-ragħajja, quddiem it-Tarbija f’dirgħajn Ommha. Mingħajr ma ngħidu xejn, mingħajr ma nitolbu xejn, mingħajr ma nagħmlu xejn. Inħarsu fis-skiet, naduraw, nilqgħu bl-għajnejn il-ħlewwa li tfarraġna ta’ Alla magħmul bniedem, tal-Omm tiegħu u tagħna. Fil-bidu tas-sena, qalb il-ħafna ġdid li nixtiequ nesperimentaw u l-ħafna ħwejjeġ li rridu nagħmlu, ejjew niddedikaw ftit ħin biex naraw, jiġifieri biex niftħu għajnejna u nżommuhom miftuħa quddiem dak li jiswa: Alla u l-oħrajn. Ħa jkollna l-kuraġġ li nħossu l-istagħġib tal-laqgħa, li hu l-istil ta’ Alla, ħaġa differenti ħafna mill-ġibdiet tad-dinja, li jittrankwilizzak. L-istagħġib ta’ Alla, il-laqgħa, timliek bil-paċi; il-bqija sempliċiment jilluppjak u jittrankwilizzak.
Kemm drabi, mgħaġġlin, mank għandna l-ħin li nieqfu minuta fil-kumpanija tal-Mulej biex nisimgħu l-Kelma tiegħu, biex nitolbu, biex naduraw, biex nagħtu ġieħ… L-istess ħaġa tiġri mal-oħrajn: mgħaġġlin jew aljenati bil-protagoniżmu, ma jkunx fadal żmien biex nisimgħu lil martna, lil żewġna, biex nitkellmu mal-ulied, biex nistaqsuhom kif sejrin minn ġewwa, mhux biss kif sejrin l-istudji jew is-saħħa. U kemm jagħmlilna tajjeb jekk nisimgħu lill-anzjani, lin-nannu u lin-nanna, biex inħarsu b’mod profond lejn il-ħajja u nerġgħu niskopru l-għeruq. Ejjew mela nistaqsu jekk aħniex kapaċi naraw lil min qed jgħix maġenbna, min jgħix fil-blokka tagħna, min niltaqgħu miegħu ta’ kuljum fit-toroq. Ħuti, ejjew nixbhu lir-ragħajja: nitgħallmu naraw! Nifhmu bil-qalb, billi naraw. Nitgħallmu naraw.
Immorru u naraw. Illum il-Mulej ġie fostna u l-Omm Qaddisa ta’ Alla tqegħidhulna quddiem għajnejna. Niskopru mill-ġdid fil-ħeġġa li mmorru u fl-istagħġib li naraw is-sigrieti biex nagħmlu din is-sena tassew ġdida, biex negħlbu l-għeja li nibqgħu f’post wieħed jew il-paċi falza tal-ġibdiet li jħajruna.
U issa, ħuti, nistedinkom ilkoll tħarsu lejn il-Madona. Ejjew insejħulha għal tliet darbiet: Omm Qaddisa ta’ Alla! Imma kif għamel il-poplu ta’ Efesu. Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard