-
-
Nhar l-Erbgħa 28 ta’ Settembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna għamel Diskors f’Jum it-Tagħlim Nisrani mal-katekisti u l-għalliema tar-Reliġjon li se jibdew sena kateketika ġdida. Il-laqgħa saret fis-Santwarju Ħniena Divina, in-Naxxar.L-Arċisqof semma’ diversi punti importanti dwar il-viżjoni ta’ kif katekist għandu jgħallem u jaġixxi matul il-formazzjoni tat-tfal li qed jgħallem. Fosthom, il-katekist għandu:
- Jattira lit-tfal b’dak li jattirahom
- Jiffoka l-katekeżi tiegħu fuq id-dover ċiviku
- Iwassal katekeżi bħala esperjenza ta’ fejqan
- Iwassal lit-tfal bl-imħabba, il-ħniena ta’ Alla
- Jirrakkonta b’ħeġġa stejjer ta’ qaddisin martri żgħażagħ
- Ikun konxju mid-dgħufija tiegħu, tal-Knisja u tat-tfal li jgħallem
- Jgħin lit-tfal jiżviluppaw intelliġenza li turi kompassjoni lejn ħaddieħor
- Ma jiġġudikax is-sitwazzjoni tal-familji tat-tfal, imma minflok ipoġġi l-imħabba
Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Santwarju tal-Ħniena Divina, in-Naxxar
28 ta’ Settembru 2016
Għeżież katekisti, qegħdin niltaqgħu fil-lejl ta’ San Mikiel, u meta nagħtikom il-program, meta tgħidu: ‘xi programm tana l-Isqof Charles għal din is-sena?’ M’hemmx għalfejn toqgħod tiftakar x’għidt, tiftakar fit-tlett ismijiet tal-arkanġli.
San Mikiel – Wassal lit-tfal bl-imħabba il-Primat ta’ Alla
Mikael, ‘min hu Alla?’ Inti f’ħajtek – mhux b’ħafna paroli – f’ħajtek wassal lit-tfal, liż-żgħażagħ li tiltaqa’ magħhom, bl-imħabba tiegħek, il-primat ta’ Alla. X’jiġifieri? Li int tgħallimhom li qabel jieħdu deċiżjoni għandhom jiftakru din. Li Alla qiegħed hawn. Veru li aħna għandna ħafna bżonnijiet: dar kbira, lussu, għandna l-għajn, għax Hu jara’, jisma’ – kollu veru dan. Imma aħna hemm bżonn niskopru dik il-preżenza, bħala preżenza ta’ ħniena u ta’ mħabba. Min hu bħal Alla fil-ħniena? Min hu bħal Alla fl-imħabba? Min hu bħal Alla li jħobb u li nħobbu? Għaliex inħobbu? Għax ħabbni hu qabel ħabbejtu jien. Għax ħenn għalija anke qabel ma ra d-dnub tiegħi, ħenn għalija, u meta jħenn għalija jibqagħlu ħniena fil-komma għal dak li jmiss. Min hu bħal Alla fil-ħniena u fl-imħabba?
Dan hu li nixtieqkom tressqu – din l-esperjenza ta’ mħabba kbira. Intom tafu daqsi, li ż-żgħażagħ tagħna għandhom għatx kbir għaliha, mhux għax id-dar m’għandhomx, imma kultant ma jkunx daqshekk evidenti għax il-mummy u d-daddy għandhom ħafna x’jagħmlu, jew inkella il-partner tal-mummy, u l-partner tad-daddy, insomma dawn ikunu draw f’ħafna mħabba, imħabba naqra konfuża. Il-famuża frażi meta tifel jgħid “jiena aħjar minnek għax jien għandi tnejn daddy’s, inti għandek wieħed biss”, jekk ma jkunux hemm tlieta wkoll. Hemm ħafna nanniet imbagħad, kulħadd ikollu n-nanniet ukoll, erbgħa nanniet min-naħa waħda.
Tiġġudikax is-sitwazzjoni, poġġi l-imħabba
Intom tafu l-ambjent, għax aħna l-ambjenti fil-familji tagħna wkoll, m’hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu x’qal, il-familji kollha! Il-familja, anke tagħna stess. Allura inti mhux tiġġudika s-sitwazzjoni, poġġi l-imħabba. Fejn m’hemmx imħabba, poġġi l-imħabba u ssib l-imħabba (San Ġwann tas-Salib). Inutli tgħid, “dawn ma jafux” – fejn m’hemmx l-imħabba poġġi l-imħabba u ssib l-imħabba. Min hu bħal Alla? Ma jgħaddikx qatt. San Bernard jgħid: “nipprova nilħqek u ma nilħqekx, u ma nilħqekx għax inti tgħaddini dejjem fl-imħabba”. Mikael, min hu bħal Alla? Mela l-primat ta’ Alla mhux il-ġudizzju, għax il-ġudizzju tiegħu huwa l-ħniena. San Ġorġ Preca: “aħfirli qabel tiġġudikani”, ilbieraħ, mhux hekk? Illiberati, se mmorru l-ġenna għax se jaħfrilna qabel jiġġudikana. U dan hu l-prinċipju: il-ħniena tiegħu.
San Gabrijel – Il-Qawwa ta’ Alla turi lilha nnifisha “fejn hemm id-dgħajjef”
It-tieni waħda: il-qawwa ta’ Alla. Gabrijel, li tfisser ‘Alla qawwi’. Il-qawwa ta’ Alla turi lilha nnfisha: “fejn hemm id-dgħajjef” kelma ta’ San Pawl. Jien qiegħed insib il-qawwa ta’ Alla, inħares fid-dgħufija tiegħi, id-dgħufija tal-Knisja, taż-żgħażagħ, tat-tfal li rrid ngħallem u jien nagħmel att ta’ fidi fil-qawwa ta’ Alla li kapaċi jċaqlaq il-muntanji, iċaqlaq il-qlub. Il-qawwa t’Alla li tidher anke fil-ħolqien tiegħu. Il-qawwa ta’ Alla li tidher fil-ħniena tiegħu imma tidher ukoll fl-imħabba tagħna l-bnedmin. L-ismijiet kollha, kollha jinsabu fil-kelma ħniena, kollha jinġabru fil-kelma maħfra għax inti “turi l-qawwa tiegħek sewwa sew fejn hemm id-dgħajjef”, hekk ngħidu fil-Prefazju tal-Martri.
Irrakkuntaw b’ħeġġa l-istorja tal-martri
Jiena irrid nagħmlilkom kuraġġ biex ma tibżgħux mill-martirju, ħa nkellimkom ċar. Aħna għandna Nsara qegħdin imutu għal Ġesù Kristu. Jista’ jkun aħna ma jkollniex is-sejħa li mmutu, immutu zgur, imma mhux forsi mħanxrin bħal Jacques Hamel, għarkubbtejh quddiem l-artal. Għalhekk huwa importanti li inti ma tibżax tirrakkonta l-qawwa ta’ Alla fl-istorja tal-qaddisin martri.
Waħda mill-indikazzjonjiet li nixtieq nagħtikom, inħoss li għandi nagħtikom hija din: li lit-tfal u liż-żgħażagħ tirrakontawlhom b’ħeġġa l-istorja tal-martri għaliex l-istorja tal-martri tagħti kuraġġ kbir, għandha fekondità kbira. Ċeċilja, żgħażugħa ta’ 16 il-sena, Luċija ta’ 12 il-sena, dawn huma tfal, dawn huma żgħażagħ li mietu għal Kristu. Il-grupp ta’ Abitene, fl-Afrika ta’ Fuq li ddeċidew li ma jistgħux jgħixu mingħajr il-quddiesa tal-Ħadd. Tawhom għażla: jew ma jibqgħux jiltaqgħu u jgħixu, jew inkella jmutu. Lill-Prepostu qalulu: “aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr il-laqgħa ta’ nhar ta’ Ħadd”: “Sine dominico non possumus”, għax tfakkar fil-Mulej, għalhekk domenica wkoll. “Sine dominico non possumus”, “ma nistgħux”, u mietu. Komunità sħiħa (ta’ 49 ruħ). Il-martri ta’ Abitene, għaliex? Għaliex ma setgħux jgħixu mingħajr il-quddiesa tal-Ħadd. Aħna kif se nikkonkretizzawha?Jekk inti ma tafx l-istorja ta’ minn miet għall-valur, kif tista’ tagħti qawwa? Ħadd ma jagħti milli m’għandux imma l-Knisja għandha tgħin lid-demm tal-martri. Aħna rridu nirrakuntaw l-istejjer tal-martri u dik hija l-qawwa ta’ Alla fil-martri dgħajfa tiegħu.
San Rafel – Għinu lit-tfal ikollhom l-emotional intelligence
It-tielet isem tal-Arkanġlu: Rafel, li tfisser il-mediċina ta’ Alla, il-fejqan. Il-ħniena t’Alla hija wkoll fejqan, hija duwa, hija balzmu, it-tagħlim u l-għajta ta’ xulxin irid ikun ukoll balzmu għall-moħħ u għall-qalb. Dik li hija sapienza fortis. kie hemm xi ħadd kiteb illum, dik hija l-għerf tal-qalb mhux biss tal-moħħ. Aħna għandna ħafna nies kbar, professjonisti li għandhom moħħ kbir u qalb żgħira għaliex ma kibritx qalbhom. Li inti jkollok din l-emotional intelligence, l-intelliġenza mhux biss akkademika u nevrotika imma hija bħall-qalb, li turi kompassjoni. Jekk inti tara tifel jew tifla li m’għandhiex din l-intelliġenza emozzjonali, trid tgħinha, dak hu l-Evanġelju llum. L-Evanġelju mhux biss il-katekiżmu, li ngħidu u nifhmu l-Kredu, lanqas meta tkun professur ma tkun fhimtu kollu l-Kredu, almenu ngħallmuhom jgħiduh. Kultant jgħidlu ‘għid l-Att tal-Indiema’. ‘Sliem għalik Sultana’. U le, orrajt, l-Att tal-Indiema: ‘Sliema għalik Marija’. Kultant fit-tagħlim irriduh ukoll. Jien qed nirreferi għall-adoloxxenti tal-Griżma. Jiena ma nistaqsi lil ħadd għax biex nagħmlu xi figura eċċellenti, ma trid xejn. Il-Griżma x’inhi? Inizjazzjoni jew ċelebrazzjoni biex inti tgħid goodbye lill-Knisja u ma terġax tirritorna, qabel iġagħluk bilfors, għat-tieġ? Jew għall-funeral skont kif jiġi qabel. U din hi rridu nistaqsuha.
Trid tattira lit-tfal b’dak li jattirahom
Se nagħtikom proposta biex taqraw dak li l-Papa Franġisku jgħid f’Amoris Laetitia fuq l-edukazzjoni sesswali taż-żgħażagħ tagħna. Aħna qed inwassluhom sal-Griżma u nwassluhom fil-pubertà, imbagħad jagħmlu l-kumplament, jagħmlu l-ormoni, jieħdu ħsieb l-ormoni, mhux katekeżi jkollhom, l-ormoni u l-pornografija fuq l-internet. L-irwol tagħna fejn hu? Nagħtihom l-assoluzzjoni biss, jekk jiġu? Għax xi wħud tant jistħu, tant jiddejqu, tant jibżgħu minn xi mistoqsija żejda li ma jersqux imbagħad, allura tal-qrar tat-tqarbin u tal-griżma. Ma jistax ikun. Aħna qed ngħidu anke fil-proposta tal-follow up tal-Griżma, irridu li nkunu pass il quddiem fil-grupp taż-żgħażagħ tagħna. Isimgħu ftit anke l-kelma tal-Papa, il-programmi tagħna tgħidu li m’aħiex equipped. Anke tgħid lezzjoni jew inkella ssib fuq l-internet, tipprepara anke fi grupp biex ma tgħaffiġtx waħdek inkella nispiċċaw . . . imma inti trid tattirahom b’dak li jattirahom. Trid tevanġelizza b’dak li hemm.
Katekeżi ffukata fuq id-dover ċiviku
Jiena nixtieq ukoll li fil-katekeżi tagħna ikun hemm ukoll il-kwistjoni tad-dover ċiviku. Ma jistax ikun nibqgħu ntellgħu bħala poplu li ma jinteressahx fid-dover lejn il-pajjiż. Id-dover x’inhu, xi jfisser? Li wieħed jobdi l-liġijiet, li wieħed jirrispetta lil ħaddieħor u jirrispetta l-ambjent. Per eżempju, il-kelma tal-Papa fuq l-ambjent għandha tkun parti mill-katekeżi tagħna. Mhux se nistaqsikom kemm qrajniha, tista’ ssib summary tagħha u aħna wkoll għandna bżonn nippublikawhom dawn, għax ikunu dokumenti kbar, li kif tarahom tieħu qatgħa u ma rridkomx tmutu bis-suffejra, imma almenu inti tkun ippreparat bis-summary.
Tifhmu li d-dover tiegħi fuq kollox hija li ngħidilkom grazzi, li nagħmlilkom kuraġġ. Ftakru fit-tlett ismijiet: min hu bħal Alla fl-imħabba? Il-qawwa ta’ Alla, Alla jħenn. Il-katekeżi trid tkun esperjenza ta’ fejqan jiġifieri trid tkun re-creation. Sew jekk qed tgħallem sew jekk inti tirrikrea – ħadd ma jagħti milli m’għandux – inti se twassal din il-fidi tal-esperjenza ta’ fejqan bħala qawwa kbira tal-ħniena ta’ Alla, li kuljum malli jisbah tagħtik l-enerġija biex tkompli tkun servizz u preżenza ta’ mħabba. Wara kollox, Alla mhux qed isejjaħlek għas-suċċess imma qed isejjaħlek għall-fedeltà. Kunu mberkin.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta