L‑Arċidjoċesi ta’ Malta żiedet is‑sussidji lid‑djar tat‑tfal tagħha b’€180,000, minkejja li rreġistrat żbilanċ ta’ €325,000.
F’konferenza tal‑aħbarijiet fejn ġie ppreżentat ir‑rapport finanzjarju tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta għall‑2023, is‑Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross qal li l‑Arċidjoċesi qed tagħmel kull sforz biex tgħin lill‑familji u lill‑individwi li qed ifittxu l‑għajnuna kif ukoll qed jitnedew bosta proġetti bil‑għan li titkompla l‑missjoni tal‑Knisja. Dawn jinkludu ħidma ma’ tfal u adolexxenti, persuni li sofrew vjolenza domestika u forom oħra ta’ abbuż, mal‑migranti, u ma’ dawk li qed ifittxu rijabilitazzjoni minn abbuż ta’ sustanzi u vizzji oħra.
Is‑Sur Pace Ross qal: “Kien hemm ukoll għajnuniet oħra. Permezz tal‑inizjattiva LOOP Djakonija Parroċċi, 870 persuna rċevew provvisti tal‑ikel u 380 ingħataw ħwejjeġ. Is‑sena li għaddiet il‑Knisja fetħet ukoll Il‑Kċina ta’ Marta fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù — immexxija minn LOOP Djakonija Parroċċi bl‑għajnuna ta’ tim ta’ voluntiera dedikati u Alfred Mizzi Foundation — li tipprovdi aktar minn 1,200 ikla fil‑ġimgħa lill‑persuni fil‑bżonn. Barra minn hekk, il‑parroċċi Maltin irċevew iktar minn 1,300 talba biex jipprovdu lill‑individwi u lill‑familji hampers tal‑ikel, mediċini u bżonnijiet oħra. Uħud minn dawn it‑talbiet kienu bżonnijiet ta’ darba, filwaqt li oħrajn għadhom għaddejjin.
“Il‑Caritas hi eżempju ieħor fejn il‑Knisja għenet 1,678 persuna li fittxew servizzi ta’ outreach u rijabilitazzjoni, minbarra servizzi ta’ counselling u social work.”
Ix‑xahar li għadda, l‑Arċidjoċesi tat b’komodat Dar Saura fir‑Rabat — li kienet residenza għall‑anzjani b’valur ta’ €25 miljun — lil The Malta Trust Foundation li se tibdel il‑propjetà f’ċentru tal‑mużika u l‑arti għal tfal b’diżabilità.
Aktar minn €1 miljun tqassmu fost gruppi vulnerabbli, filwaqt li €7.07 miljun kienu meħtieġa għall‑manutenzjoni, restawr u konservazzjoni ta’ propjetà ekkleżjastika u l‑ħarsien tal‑patrimonju.
L‑Arċidjoċesi ta’ Malta għenet ukoll lill‑vittmi tat‑terremoti fit‑Turkija u s‑Sirja, ospitat saċerdoti barranin f’Casa Fratelli Tutti, u ffaċilitat il‑parteċipazzjoni ta’ 565 żagħżugħ u żagħżugħa għall‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ f’Lisbona.
Is‑Segretarju Amministrattiv qal li għalkemm l‑Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat żidiet fil‑ġbir, fl‑2023 xorta esperjenzat tnaqqis fid‑donazzjonijiet u fundraising meta mqabbel mas‑sena ta’ qabel, filwaqt li d‑Dar tal‑Providenza u l‑Caritas irrikorrew għal fondi akkumulati wara li rreġistraw defiċits għas‑sena.
“Permezz ta’ dħul minn investimenti diversifikati u etiċi tal‑Arċidjoċesi, inkluż dividend mill‑APS Bank u minn bejgħ tal‑propjetà, il‑Knisja setgħet tkompli tgħin lil dawk fil‑bżonn,” qal Pace Ross.
In‑nefqa għall‑Arċidjoċesi — li tiġbor fiha madwar 120 entità u timpjega 1,369 ħaddiem — żdiedet b’€6.04 miljun meta mqabbla mas‑sena ta’ qabel.
Il‑proġetti ffinanzjati mill‑UE ġew konklużi bit‑tnedija tar‑rotot tal‑patrimonju reliġjuż. Barra minn hekk, l‑Arċidjoċesi kellha taxxa ta’ €2.5 miljun.
Matul l‑2023, il‑parroċċi ta’ Fleur‑de‑Lys u Marija Reġina fil‑Marsa — li kienu taħt it‑tmexxija ta’ ordnijiet reliġjużi — għaddew għand l‑Arċidjoċesi, filwaqt li Dar Saura waqfet topera bħala dar tal‑anzjani fl‑aħħar tas‑sena.
Is‑Sur Pace Ross qal li minkejja li s‑sena l‑oħra s‑swieq finanzjarji kienu instabbli, l‑aħħar kwart tal‑2023 kien pożittiv. Ir‑riżultati kienu aħjar minn dawk imbassra u dan kien riżultat ukoll ta’ rkupru ta’ parti mit‑telf fuq l‑investimenti li kien hemm fl‑2022.
F’isem l‑Isqfijiet ta’ Malta, is‑Sur Pace Ross irringrazzja lill‑impjegati, il‑voluntiera, u l‑pubbliku għall‑appoġġ tagħhom. Appella wkoll għal donazzjonijiet li jistgħu jingħataw fuq knisja.mt/donazzjonijiet.