Fl‑2021, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta, li tiġbor fiha iktar minn 100 entità u timpjega iktar minn 1,340 persuna, irreġistrat surplus ta’ €3.4 miljuni. Dan kien riżultat tad‑dħul tad‑dividend mill‑APS Bank wara nuqqas ta’ sena, minn bejgħ ta’ proprjetà, u minn titjib fil‑ġbir mill‑parroċċi meta mqabbel mas‑sena 2020.
Dan tħabbar mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof fejn qal li l‑Arċidjoċesi bdiet tirkupra mill‑effetti negattivi ta’ natura finanzjarja li ħalliet il‑pandemija.
Ir‑riżultati finanzjarji għall‑2021 juru li l‑Arċidjoċesi rreġistrat żieda fid‑dħul ta’ €6.9 miljuni. Minkejja li l‑ġbir mill‑knejjes ma laħaqx il‑livelli ta’ qabel il‑pandemija, kien hemm żieda ta’ 26% fid‑dħul mill‑ġbir fil‑parroċċi. Dan meta mqabbel mat‑tnaqqis ta’ 40% fl‑2020 fejn il‑knejjes kienu magħluqa għal tliet xhur. Ġew irreġistrati wkoll żidiet fid‑dħul minn donazzjonijiet, kirjiet ta’ proprjetà, attivitajiet ta’ fundraising, u minn fondi pubbliċi partikolarment għall‑finanzjament tas‑salarji tal‑iskejjel tas‑Seminarju u l‑Kulleġġ Sacred Heart li huma mmexxija mill‑Arċidjoċesi. Iż‑żieda fit‑turisti ħalliet impatt pożittiv fuq id‑dħul tal‑Mużew tal‑Katidral tal‑Imdina u l‑Bażilika tal‑Mosta, b’żieda ta’ 18% fil-viżitaturi fil-Bażilika tal-Mosta fuq l‑2020. Kuntrarju għal din iż‑żieda kien hemm tnaqqis fid‑dħul minn wirtijiet u mill‑miżati tad‑djar tal‑anzjani peress li għadd ta’ sodod kellhom jinżammu vojta minħabba l‑pandemija f’każ ta’ emerġenza.
L‑Arċidjoċesi rreġistrat żieda fl‑infiq ta’ €4.5 miljuni fuq is‑sena ta’ qabel. Żewġ terzi tal‑ispiża totali marret għall‑pagi tal‑kleru u l‑lajċi. L‑ispejjeż tal‑operat, inkluż fuq manutenzjoni, restawr u konservazzjoni naqsu b’€440,000, filwaqt li kien hemm żieda ta’ 17% fid‑donazzjonijiet li ngħataw lill‑persuni fil‑bżonn għal total ta’ €560,000. L‑ammont ta’ taxxa mħallas mill‑Arċidjoċesi kien ta’ €1.8 miljuni.
Matul l‑2021, l‑Arċidjoċesi kompliet tibbenefika mill‑għajnuna mogħtija mill‑Gvern permezz ta’ skemi relatati mal‑COVID‑19. Din ammontant għal ftit aktar minn €1.2 miljuni.
Il‑Kurja tal‑Arċisqof, fejn issir it‑tmexxija amministrattiva u pastorali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, irreġistrat telf ta’ kważi €2 miljuni meta mqabbel mad‑defiċit ta’ €4.5 miljuni fis‑sena ta’ qabel. Dan wara li ngħataw sussidji ta’ €631,000 lil diversi entitajiet biex ikomplu bil‑ħidma pastorali u soċjali tagħhom. Id‑dħul tal‑Kurja żdied b’€4 miljun fuq l‑2020, primarjament mid‑dividend mogħti mill‑APS Bank. L‑infiq żdied ukoll għal €10 miljun. B’riżultat ta’ ftehim kollettiv ġdid għall‑impjegati tal‑Kurja, li kien pospost mill‑2020 minħabba l‑pandemija, is‑salarji żdiedu b’17% biex ikunu aktar kompetittivi mas‑suq. Id‑donazzjonijiet mogħtija lill‑persuni u l‑familji fil‑bżonn żdiedu minħabba d‑diffikultajiet li għaddew minnhom waqt il‑pandemija. It‑taxxa mħallsa mill‑Kurja kienet ta’ madwar €480,000.
Is‑Sur Pace Ross qal li s‑surplus li għamlet l‑Arċidjoċesi fl‑2021 se jkun ta’ għajnuna matul din is‑sena biex il‑Knisja ssostni l‑ħidma tagħha. Dan b’mod partikolari meta wieħed iqis l‑instabbiltà tas‑swieq finanzjarji fosthom kawża tal‑inflazzjoni u l-gwerra fl-Ukrajna. Qal ukoll li sabiex il-Knisja tibqa’ taqdi l-bżonnijiet tas-soċjetà tal-lum, din ma tistax tkompli tiddependi biss fuq sorsi tradizzjonali ta’ dħul.
Is‑Segretarju Amministrattiv semma diversi proġetti li saru jew qed isiru biex il‑Knisja tkompli bil‑missjoni tagħha u tkun qrib dawk l‑iktar fil‑bżonn. Fost dawn l‑inizjattivi hemm: l‑investiment fid‑djar tas‑Siġġiewi u Birkirkara mmexxija mid‑Dar tal‑Providenza, it‑tqassim tal‑ikel mill‑parroċċi lill‑individwi fil‑bżonn, il‑proġett ‘Kenn’ mill‑Kummissjoni Migranti, it‑tagħlim tal‑katekiżmu li beda jsir online, u proġetti ambjentali fid‑Dar tal‑Kleru u s‑Seminarju. F’isem l‑Isqfijiet ta’ Malta, huwa rringrazzja lill‑ħaddiema, il‑voluntiera u l‑poplu Malti kollu għas‑sapport tagħhom lill‑Knisja f’dawn iż‑żminijiet.
Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport finanzjarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2021.