A praying couple

Il-Papa Benedittu XVI qal li ħafna koppji jaslu għall-ġurnata taż-żwieġ tagħhom mingħajr ma qatt ikunu talbu flimkien. F’dan id-dawl huwa appellalhom jingħaqdu flimkien fit-talb sabiex l-imħabba tagħhom tkun iżjed awtentika u dejjiema.

Din l-istedina tal-Kap tal-Knisja saret waqt l-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa, meta huwa sellem liż-żgħażagħ, lill-morda u lil dawk li għadhom kemm ingħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ.

Lil dawn tal-aħħar qalilhom li “hi xewqa sinċiera tiegħi li intom titgħallmu titolbu flimkien,sabiex l-imħabba tagħkom tkun ta’ veru u għal dejjem”.

Koppji li jkunu għadhom fl-ewwel xahrejn taż-żwieġ tagħkom, ikunu mistiedna u jingħataw post partikolari waqt l-udjenza ġenerali tal-Papa.

Meta kien qed jindirizza liż-żgħażagħ, Benedittu XVI qal li bħalissa hemm min diġa beda l-btajjel tas-sajf, waqt li oħrajn għaddejjin bl-eżamijiet.

Żied li “j’Alla l-Mulej jgħinkom tgħixu daż-żmien b’sens ta’ serenita u li matulu tesperjenzaw l-entużjażmu li tnissel il-fidi”.

Ma naqasx lanqas milli jindirizza lil dawk li jinsabu morda u stedinhom “ifittxu u jsibu comfort fil-Mulej, li jillumina lill-bniedem fis-sofferenza bl-istess imħabba salvivika tiegħU”.