Il-kattoliċi qed jistennew għal direzzjoni u vuċi ikbar mill-Vatikan dwar prinċipji etiċi għad-dinja finanzjarja u ambjentali. Dan qaluh parteċipanti li attendew Konferenza dwar il-Ġustizzja Soċjali fid-dinja globalizzata. Huma madwar 200 il-persuni fi ħdan il-Knisja involuti fil-kwistjonijiet ta’ġustizzja soċjali, li qed jieħdu sehem fil-Konferenza Internazzjonali organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi. Il-Konferenza tfakkar il-50 anniversarju mill-enċiklika soċjali tal-Beatu Papa Ġwanni XXIII ‘Mater et Magistra’.

Il-Konferenza kellha fost oħrajn tara kif it-tagħlim soċjali tal-Knisja, inkluż dak miġbur fl-enċiklika tal-Papa Benedittu XVI ‘Caritas in Veritate, tal-2009, jista’ jkun applikat biex iġib ġustizzja ikbar fid-dinja aktar globalizzata tal-lum. “L-ikbar dgħufija hi li ħafna kattoliċi mhumiex konxji tat-tagħlim soċjali tal-Knisja”, qalet membru tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċital-Knisja fl-Isvezja. Intqal li hemm ukoll qasma bejn dak li tgħallem il-Knisja u l-implimentazzjoni tal-istess tagħlim. Temmet li “hemm ħafna deċiżjonijiet u kliem sabiħ, imma kif se jitpoġġa fil-prattika? U kif kattoliċi qed jintegraw il-valuri u l-prinċipji tal-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum?”