L-Arċisqof Kattoliku ta’ Westminister, Vincent Nichols, u l-mexxej tal-komunita Anglikana, l-Arċisqof Justin Welby ta’ Canterbury, irreferew għall-vjolenza fis-Sirja u qalu li sa mill-ewwel jiem tal-kunflitt fil-pajjiż f’Marzu 2011, ma waqfux jitolbu quddiem eskalazzjoni ta’ vjolenza u mwiet. B’referenza għall-ħtif ta’ żewġ isqfijiet metropolitani f’Aleppo u l-qtil ta’ xufier waqt missjoni umanitarja, l-esponenti taż-żewġ Knejjes qalu li dan hu sinjal ieħor ta’ ċirkostanzi terribbli li qed ikomplu jtaqqlu lill-poplu Sirjan. Żiedu li jappoġġjaw bla riservi lill-komunitajiet insara li jsibu l-għeruq tagħhom u li għandhom rabtiet ma’ artijiet bibbliċi, minkejja r-relazzjonijiet diffiċli.Iż-żewġ esponenti reliġjużi issuktaw jgħidu li lesti jwieġbu għall-appelli tal-Patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Antijokja u Lvant u tal-Patrijarka Sirjan ortodoss u Lvant li ħeġġew għal diterminazzjoni sħiħa quddiem l-isfidi eżistenti u jagħtu xiehda tal-fidi tagħhom permezz tal-qawwa tal-imħabba.
Talbu għal soluzzjoni politika f’dan il-kunflitt traġiku li finalment timmotiva lis-Sirjani jitbiegħdu mill-vjolenza u jsibu l-liberta vera tagħhom, b’sens ta’ tolleranza ġejja mill-fidi u r-rispett lejn denominazzjonijiet oħra ta’ fidi.