Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) jikkundannaw l‑aġir irresponsabbli tal‑Union of Professional Educators (UPE) meta qed tippubblika informazzjoni fil‑paġna tagħha fuq Facebook dwar każijiet tal‑COVID‑19 fl‑iskejjel tal‑Knisja. Dan l‑aġir qed joħloq paniku u ansjetà bla bżonn fost l‑istudenti, il‑ġenituri u l‑edukaturi.
L‑iskejjel tal‑Knisja qed jagħmlu minn kollox biex jinfurmaw lill‑ġenituri u l‑istaff tal‑iskejjel b’dak li qed isir meta jkun hemm każ pożittiv fl‑iskejjel. Dan qed isir b’mod trasparenti sabiex dejjem jiġi żgurat li s‑saħħa u s‑sigurtà tal‑istudenti u tal‑istaff jibqgħu prijorità fl‑iskejjel.
L‑iskejjel tal‑Knisja ilhom minn Settembru li għadda jisħqu li tali stqarrijiet mill‑UPE ma jagħmlux ġid għas‑sitwazzjoni ta’ bħalissa, sitwazzjoni li diġà hija ta’ sfida għall‑iskejjel kollha f’pajjiżna. Għaldaqstant, is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja jappellaw lill‑ġenituri sabiex jibqgħu f’kuntatt mal‑iskejjel ta’ wliedhom sabiex ikollhom informazzjoni oġġettiva dwar il‑każijiet tal‑COVID‑19 u l‑proċeduri ta’ sigurtà fl‑iskejjel.
F’dan iż‑żmien ta’ sfida, l‑iskejjel tal‑Knisja se jibqgħu jieħdu l‑miżuri meħtieġa għall‑ħarsien tas‑saħħa sabiex ikomplu jipprovdu d‑dritt għall‑edukazzjoni lil aktar minn 17,000 student.