Wara l-katekeżi tiegħu ta’ kull nhar t’Erbgħa, din il-ġimgħa, il-Papa Benedittu XVI appella għall-għajnuna lill-vittmi tal-ġuħ fl-Afrika.
Kif temm il-ħsibijiet tiegħu mnebbħa minn Salm 23 fejn aċċenna għall-importanza tat-talb li jimplika fiduċja f’Alla li hu tajjeb, il-Kap tal-Kattoliċi appella lill-komunita internazzjonali sabiex tgħin lill-kontinent Afrikan. Fl-isfond tar-riflessjoni tiegħu dwar il-qrubija lejn Alla li fi kliemu kapaċi tittrasforma r-realta, il-Papa qal li qed ikomplu jaslu mill-kontinent Afrikan aħbarijiet drammatiċi dwar il-ġuħ li qed jaħkem ħafna nies. Waqt li sellem lill-President tal-Kunsill Pontifiċju Cor Unum, il-Kardinal Robert Sarah, fost oħrajn, li kienu preżenti għall-udjenza u li huma nies importanti għall-kontribut li jagħtu fl-għajnuna umanitarja u karitatevoli f’isem il-Knisja permezz tal-ħafna organizzazzjonijiet tagħha, Benedittu XVI stieden lil kull individwu sabiex iżomm fit-talb tiegħu lil dawk li qed ibatu l-ġuħ, saħansitra jispiċċaw imutu. Qabel ma estenda l-appell dwar is-Somalja, il-Papa sellem delegazzjoni mill-Fakulta tat-Teoloġija mill-Universita ta’ Tessaloniki fil-Greċja li tagħtu l-unur permezz ta’ midalja tad-deheb imsejjaħ ‘the Apostle Jason of Thessaloniki Gold Medal’. Qalilhom li jinsab onorat li rċevieh għax fi kliemu hu unur-sinjal ta’ fehim u djalogu dejjem jikber bejn l-Insara Kattoliċi u dawk Ortodossi.